Sunday, December 22, 2024

Ikkundannat tliet snin u nofs ħabs wara li hedded lill-eks sieħba li se tispiċċa bħal Bernice Cassar

Aqra wkoll

Raġel ta’ 41 sena, residenti Ħal Tarxien, ġie kkundannat tliet snin u nofs ħabs wara li nstab ħati li hedded lill-eks sieħba tiegħu, fosthom meta qallha li se tispiċċa bħal Bernice, b’referenza diretta għall-qtil ta’ Bernice Cassar (née Cilia) li allegatament inqatlet minn żewġha f’Novembru tal-2022.

L-imputat ġie mixli li bejn it-30 ta’ Novembru tas-sena l-oħra u t-18 ta’ Marzu ta’ din is-sena uża vjolenza, inkluż vjolenza morali u/jew psikoloġika, fuq l-eks sieħba tiegħu.

L-eks sieħba għamlet rapport fid-Dipartiment tal-Vjolenza Domestika mal-Pulizija f’Marzu li għadda u minnufih skattaw l-investigazzjonijiet. Dan kien it-tieni rapport li ressqet il-vittma fil-konfront tal-eks sieħeb tagħha wara li kienu ilhom li temmew ir-relazzjoni madwar ħames snin. Mir-relazzjoni li kellhom bejniethom għandhom tnisslu tlett itfal (bl-etajiet ta’ 20 sena, 12-il sena u 10 snin).

L-ewwel rapport li kienet għamlet kien f’Novembru tas-sena l-oħra meta dakinhar l-eks sieħba kienet qalet li l-akkużat kien iċemplilha kuljum biex tagħtih il-flus sabiex ikun jista’ jixtri d-droga. Żiedet tgħid li kien anke jheddidha li joqtolha u li se jeħdilha lit-tfal. Hi qalet li kienet tagħtih bejn €60 u €120 kuljum.

Fit-18 ta’ Marzu li għadda, fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu, l-akkużat kien mar quddiem il-bieb tal-eks sieħba tiegħu u bdew jċemplilha l-qanpiena, iżda hi ma fetħitlux. Kien hawn li hi ċemplet lill-Pulizija, iżda sakemm waslu l-akkużat kien laħaq telaq.

Hi kienet għaddiet ukoll tliet rekordings ta’ telefonati li saru mill-akkużat li fihom jinstema’ jheddida li joqtolha. Hi qalet li l-akkużat kien qed jikkaġunalhom biża’ kbira, kemm lilha u kif ukoll lit-tfal, anke minħabba l-problema kbira tad-droga li kellu.

Waqt il-kawża, id-Difiża oġġezzjonat li dawn it-telefonati jiġu ppreżentati fil-Qorti minħabba li saru b’mod illegali għax l-akkużat ma kienx informat li qed jiġi rrekordjat.

Il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, li ppresediet il-każ, qalet li ma kienx fil-kompetenza tal-Qorti li tiddeċiedi jekk l-irrekordjar tat-telefonati kienx legali jew le. Sostniet li minnhom ġie pprovat li r-raġel hedded lill-eks sieħba.

Waqt il-kawża dawn ir-rekordings ġew diskussi fit-tul, iżda l-Qorti nnutat li fl-ebda ħin l-akkużat ma ċaħad li dak li qed jagħmel it-theddid mhux hu. Fil-fatt, il-Prosekutur irrimarka li jekk dawn ir-rekordings mhumiex tajbin, allura “forsi smajna ħażin”. Kien hawn li l-akkużat wieġeb “le smajt tajjeb. Mhux qed ngħidlek le jien.”

Meta ġiet biex tikkonsidra l-piena, il-Maġistrat Farrugia qalet li r-raġel diġà kien ġie kkundannat 14-il darba. Ir-reati jinkludu ksur tal-liġijiet tas-sewqan u li beżża’ n-nies. Ġie nnutat ukoll li minkejja dan, s’issa qatt ma ngħata piena ta’ ħabs, kif ukoll li dejjem irrifjuta li jsegwi programm biex joħroġ mill-vizzju tad-droga.

Kien għalhekk li wara li sabitu ħati kkundannatu tliet snin u nofs ħabs kif ukoll ħarġet ordni ta’ trażżin għal tliet snin favur il-mara.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Omar Zammit u Sherona Buhagiar.

Ekonomija

Sport