Joann Debono ta’ 55 sena mill-Belt Valletta ġiet ikkundannata tlettax-il xahar ħabs wara li nstabet ħatja li ffalsifikat il-firma tal-ex raġel tagħha fuq ċekk tal-bank HSBC.
L-imputata inizjalment wieġbet mhux ħatja għall-imjputazzjonijiet dedotti kontriha.
Il-każ seħħ fit-13 ta’ Ġunju 2016, meta Diego Giordano, Hussein Mohammed Abdul, u Joseph Muscat daħħlu rapport l-għassa tal-Pulizija ta’ Ħal Qormi. Irriżulta li Muscat, bħala direttur tal-kumpanija ELMEIN Ltd, kien bagħat ċekk tal-HSBC fl-ammont ta’ €1,197.00 bħala ħlas għal xogħol ta’ gypsum li għamlu Hussein u Giordano.
Iċ-ċekk intbagħat bil-posta f’indirizz fil-Belt Valletta li kien imniżżel fuq l-irċevuta tal-VAT ta’ Alboul u hekk spiċċa f’idejn l-imputata.
Alboul spjega li meta rreġistra għall-VAT fl-2001, huwa kien irreġistrat fuq l-indirizz tal-imputata fil-Belt Valletta. Minkejja li kienu ilhom separati mill-2012, huwa kompla juża l-istess ktieb tal-VAT għax kien għadu nofs mimli, u d-dipartiment qallu biex ikompli jużah sakemm jispiċċa. Is-segretarja tal-klijent (Joseph Muscat ta’ ELMEIN Ltd) bagħtet iċ-ċekk bil-posta f’dak l-indirizz għax Alboul ma kienx mar jiġbru personalment peress li kien imsiefer
Meta Debono marret issarraf iċ-ċekk fil-fergħa tal-HSBC fi Triq il-Merkanti, hija m’użatx isem falz biex tidentifika lilha nnifisha, iżda użat il-karta tal-identità tagħha stess. Hemmhekk ma ngħatax l-ammont kolllu (€1,197), għax il-bank żamm ammont ta’ €396 li ġew iddepożitati fil-kont tagħha biex jissetiljaw mandat ta’ sekwestru (garnishee order) mahruġ mill-Go plc kontriha.
Debono ippruvat tiġġustifika l-azzjoni tagħha billi qalet li kien hemm tip ta’ ftehim (“quid pro quo”) mal-ex raġel tagħha. Hija sostniet li:kienet iltaqgħet miegħu u talbitu l-flus għal kontijiet tad-dawl pendenti. Huwa allegatament qalilha biex issarraf iċ-ċekk meta tircievih bil-kundizzjoni li hija tgħinu fl-applikazzjoni għaċ-ċittadinanza.
Hussein Alboul ċaħad dan kollu taħt ġurament, fejn sostna li qatt ma taha permess u li lanqas biss kien jiffirma b’ismu, u b’hekk il-firma fuq iċ-ċekk kienet totalment falza.
Il-Qorti qasmet ir-raġunament legali tagħha f’żewġ partijiet biex tiddetermina r-responsabbiltà kriminali ta’ Joann Debono. Dwar l-akkużi ta’ falsifikazzjoni, l-imputata instabet ħatja ta’ “falz materjali” peress li l-kontenut tad-dokument ma kienx ġenwin għax l-awtur apparenti ma kienx dak reali. Din il-ħtija kienet sostnuta mill-ammissjoni stess ta’ Debono li kitbet isem l-ex raġel tagħha u n-numru tal-karta tal-identità tiegħu fuq wara taċ-ċekk sabiex tkun tista’ ssarfu.
Mill-banda l-oħra, hija ma nstabitx ħatja ta’ frodi (truffa) minħabba li l-element essenzjali tal-mise en scene, jiġifieri l-użu ta’ artifiċji jew qerq biex jinduċu lill-vittma fi żball, ma ġiex ipprovat. Il-Qorti osservat li ma kien hemm l-ebda “intervent min-naħa tagħha” biex iċ-ċekk jintbagħat fl-indirizz tagħha, iżda dan wasal għandha biss minħabba li l-vittma stess kien pprovda indirizz antik fuq l-irċevuta tal-VAT.
Il-kunflitt tal-provi kompla waqqa’ din l-akkuża minħabba li l-imputata xehdet li kien Abdoul stess li qalilha biex issarraf iċ-ċekk bħala pagament biex tiffirmalu l-karti taċ-ċittadiinanza. Min-naħa l-oħra Alboul sostna li qatt ma kien iltaqa’ magħha u qalilha biex issarraf iċ-ċekk.
Konsegwentement, minħabba l-gravità tal-falsifikazzjoni fuq skrittura bankarja, il-Qorti kkundannatha għal 13-il xahar priġunerija effettiva

