Alan Spiteri, żagħżugħ ta’ 22 sena ġie kkundannat ħames snin ħabs wara li nstab ħati li 3 snin ilu kellu x’jaqsam sesswalment ma’ tifla ta’ 12-il sena.
Hu ġie akkużat mill-Ispettur Joseph Busuttil li f’Awwissu tal-2021 waqt li kien f’Wied il-Għajn kellu attività sesswali mal-persuna li dakinhar kellha 12-il sena.
Meta l-pulizija kienu tkellmu ma’ Spiteri, hu kien ammetta mill-ewwel li kellu x’jaqsam sesswalment mat-tifla. Kien ammetta li hu kellu x’jaqsam magħhom waqt li kienu fuq is-sodda jaraw it-televixin flimkien ma’ ġuvni li dakinhar kienet qiegħda f’relazzjoni miegħu.
Illum it-tifla li għanha 15-il sena kkonfermat fil-Qorti li hija u l-eks għarus tagħha kienu marru d-dar ta’ Spiteri u bdiet titkellem dwar is-sess miegħu. Kien hawn li hu uriha ritratti tiegħu għerwien u anke daħħal subgħajh fil-parti privata tagħha. Ħareġ ukoll li t-tfajla kienet poġġiet idejn l-akkużat fuq il-parti tagħha.
Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qalet li huwa minnu li t-tifla kienet instigat lill-akkużat biex iwettaq dak li wettaq meta fost l-oħrajn poġġiet idejh fuq il-parti privata tagħha. Iżda l-Qorti qalet li Spiteri messu ħaseb li dak li kien qiegħed iwettaq kien qiegħd jagħmlu fuq minuri.
Il-Qorti sabet lil Spiteri ħati tal-akkużi u kkundannatu 5 snin ħabs filwaqt li ordnat li ismu jitniżżel fir-reġistru ta’ dawk li jkunu abbużaw mit-tfal.