Friday, November 15, 2024

Ikla abbundanti għall-iljunfanti fil-jum iddedikat għalihom ġewwa t-Tajlandja

Aqra wkoll

Hekk kif ilbieraħ ġew­wa t-Taljanda kien il-jum iddedikat għall-iljunfanti, saret festa kbira għal xejn inqas minn 60 iljunfant fejn dawn ingħataw ammonti kbar ta’ frott u ħaxix. Din iċ-ċelebrazzjoni saret f’park botaniku.

L-iljunfanti huma sors ta’ kburija nazzjonali għall-poplu tat-Tajlandja hekk kif dawn jintużaw fix-xogħol, trasport, u anke jibqgħu mfakkra u assoċjati ma’ ġellieda qalbiena u rejiet tal-passat għall-irwol tagħhom f’battalji kbar. 

Is-soltu dan l-avveniment jiġi ċċelebrat f’diversi partijiet tal-pajjiż, iżda minħabba l-pandemija tal-Covid-19 u l-problemi ekonomiċi li għandu dan il-pajjiż, il-festa din is-sena kellha tiġi llimitata. 

Il-festa saret ġewwa l-ġnien tropikali ta’ Nong Nooch fejn l-iljunfanti gaw­dew minn xejn inqas minn żewġ tunnellati ta’ frott u ħaxix mifruxa fuq mejda twila tmien metri. 

L-uffiċjali li jieħdu ħsieb dawn il-ġnien qalu li dan kien avveniment sabiħ ħafna tant li anke l-iljunfanti dehru kuntenti wara nuqqas twil ta’ kuntatt uman minħabba l-pandemija, u dan hekk kif preżenti kien hemm ukoll numru ta’ turisti. L-uffiċjali qalu li l-iljunfanti f’dan il-park iħobbu ħafna l-kuntatt uman hekk kif imdorrijin jaraw ħafna turisti. 

Ekonomija

Sport