Art li għal snin twal kienet abbandunata tul Triq il-Kosta f’Baħar iċ-Ċagħaq qed tinbidel f’park modern ta’ madwar 5,500 metru kwadru – l-ewwel spazju miftuħ ta’ dan it-tip fiż-żona, iddisinjat biex ikun ċentru ta’ ħajja, rikreazzjoni u natura għal komunità.
Il-proġett, li se jkun jista’ faċilment jintlaħaq minn madwar 1,250 resident li jgħixu f’inqas minn 10 minuti mixi miż-żona, jinsab fi stadju avvanzat ta’ implimentazzjoni. Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli u l-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi żaru s-sit fejn osservaw il-progress sostanzjali li sar.
“Il-viżjoni li għandna għal pajjiżna qed tkompli issir realtà. Dan il-proġett huwa trasformazzjoni konkreta ta’ art abbandunata fi spazju miftuħ ta’ kwalità li se jkun jista’ jitgawda minn eluf ta’ familji li jgħixu fil-viċinanzi. Dan se jkun l-ewwel park miftuħ ta’ dan it-tip fiż-żona – spazju sigur li se jservi lil familji, tfal u anzjani, b’elementi distintivi bħaż-zipline u ‘pirate ship’ li jagħmluh destinazzjoni għal rikreazzjoni attiva. Qed inkomplu ninvestu fi spazji sostenibbli li jtejbu l-kwalità tal-ħajja u jġibu n-natura eqreb lejn in-nies,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi sostna li l-Baħar iċ-Ċagħaq Park jifforma parti minn investiment usa’ li jlaħħaq €15.8 miljun, fejn il-parti l-kbira tal-finanzjament hija sostnuta mill-Fondi Ewropej. Huwa nnota li l-investiment speċifiku f’dan is-sit jammonta għal kważi €1 miljun u spjega li dan il-kontribut sostanzjali juri kif il-Fondi Ewropej qed jitwasslu f’proġetti konkreti li jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies u fl-ambjent ta’ pajjiżna.
Il-Ministru żied jgħid li permezz ta’ dawn il-fondi, Malta qed tkompli tinvesti fi spazji ħodor ta’ kwalità, li mhux biss isaħħu l-bijodiversità u jtejbu l-mikroklima, iżda joħolqu wkoll ambjent aktar sigur, aċċessibbli u sostenibbli għall-komunità kollha. Skontu, dan huwa eżempju ċar ta’ kif il-Fondi Ewropej qed jappoġġjaw viżjoni fit-tul għal pajjiż aktar nadif, aktar ħadrani u b’kwalità ta’ ħajja aħjar.
Wara li tlestiet il-kostruzzjoni ta’ ġibjun ta’ 540 metru kubu – infrastruttura kruċjali biex tipprovdi ilma għat-tisqija sostenibbli tal-park – ix-xogħol issa miexi lejn il-fażi finali li tinkludi l-passaġġi, il-faċilitajiet pubbliċi u l-installazzjoni tal-elementi rikreattivi.
Il-park se jinkludi żoni ta’ logħob informali għal kull età, b’elementi innovattivi fosthom zipline li se jattira lit-tfal u ż-żgħażagħ biex iqattgħu aktar ħin fil-beraħ u jħeġġeġ attività fiżika. Se jitħawlu madwar 200 siġra ġdida li mistennija joħolqu dell fuq madwar 3,100 metru kwadru tas-sit, u b’hekk titjieb il-mikroklima taż-żona u tissaħħaħ il-bijodiversità.
B’investiment ta’ kważi miljun ewro, dan il-proġett huwa ffinanzjat permezz tal-Fondi Ewropej taħt il-Miżura 8.5 u jifforma parti mill-Community Greening Grant Scheme. L-inizjattiva qed titwettaq b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tan-Naxxar sabiex il-park jirrifletti l-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tar-residenti.



