F’Mejju li għadda kien hemm 961 persuna jirreġistraw għax-xogħol, li jfisser tnaqqis ta’ 1,040 meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena ta’ qabel.
Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fuq informazzjoni minn Jobsplus, turi li f’Mejju kien hemm 994 persuna inqas jirreġistraw taħt Part 1 u tnaqqis ta’ 46 persuna jirreġistraw taħt Part 2.
It-tnaqqis fil-qgħad kien irreġistrat fil-gruppi kollha ta’ etajiet, kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa.
L-istatistika turi li kien hemm tnaqqis fost dawk li kien ilhom jirreġistraw għax-xogħol għal inqas minn 21 ġimgħa u dawk bejn 21 u 52 ġimgħa. L-akbar tnaqqis kien irreġistrat fost dawk li kienu ilhom jirreġistraw għal aktar minn sena.
F’Mejju, naqsu bi 18 il-persuni b’diżabilità jirreġistraw għax-xogħol biex issa hemm 242 persuna b’diżabilità li qed ifittxu mpjieg.