Mit-Tnejn li ġej se jkomplu jonqsu r-restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar f’Malta hekk kif jindikaw Avviżi Legali li ġew ippubblikati lbieraħ.
Dan ifisser li mill-11 ta’ April, kull persuna li tasal f’Malta minn kwalunkwe wieħed mill-pajjiżi li ġew imniżżla fl-Avviż Legali, fosthom l-Awstrija, Ċipru, l-Estonja, il-Ġermanja, l-Italja, Franza, il-Greċja, Spanja, l-Awstralja u l-Kanada, ma għandhiex tkun meħtieġa li tissottometti ruħha għal perjodu ta’ kwarantina mal-wasla tagħha, kemm-il darba jkollha fil-pussess tagħha, jew ċertifikat tat-tilqim jew riżultat negattiv tal-Polymerase Chain Reaction (PCR) COVID-19 test imwettaq mhux aktar minn 72 siegħa qabel il-wasla f’Malta jew riżultat negattiv tal-COVID-19 Rapid Antigen Test (RAT) imwettaq mhux aktar minn 24 siegħa qabel il-wasla f’Malta jew ċertifikat ta’ fejqan mill-COVID-19 validu għal mhux aktar minn 180 jum wara d-data tal-ewwel riżultat pożittiv tal-Polymerase Chain Reaction (PCR) COVID-19 test.
L-istess Avviż Legali jgħid li kull persuna taħt is-sitt snin li tasal f’Malta mill-istess pajjiżi elenkati, mhux se jkunu meħtieġa li jagħmlu perjodu ta’ kwarantina mal-wasla tagħhom jekk ma tkunx fil-pusses ta’, jew ċertifikat tat-tilqim jew riżulutat tal-PCR test imwettaq mhux aktar minn 72 siegħa qabel il-wasla f’Malta jew riżultat negattiv tal-Covid-19 Rapid Antigen Test imwettaq mhux aktar minn 24 siegħa qabel il-wasla f’Malta jew ċertifikat ta’ fejqan mill-Covid validu għal mhux aktar minn 180 jum wara d-data tal-ewwel riżultat pożittiv tal-PCR test.