Tuesday, November 12, 2024

Ikompli l-battibekk dwar il-kors tal-Inġinerija offrut mill-MCAST

Aqra wkoll

Il-korsijiet offruti mill-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija huma awditjati kull sena u jiġu aġġornati regolarment biex jirriflettu l-prattiċi l-aktar reċenti. Qal dan l-MCAST b’risposta għal stqarrija maħruġa lbieraħ mill-Union Periti u Inġiniera tas-Settur Pubbliku.

Fl-istqarrija l-Unjin qalet li l-professjoni tal-inġinerija m’għandhiex titnaqqas fil-livell akkademiku billi tkun assoċjata ma’ korsijiet li ma jirrikjedu l-istess livell ta’ sforz, dedikazzjoni u kisba. Min-naħa l-oħra l-MCAST irreaġixxa għal dan u qal li l-istqarrija turi b’mod ċar li m’hemmx rikonoxximent tal-istandards tal-kwalità offruti mill-Kulleġġ.

Fi stqarrija l-unjin kienet qed tirispondi għal stqarrija oħra maħruġa mill-Gvern nhar l-Erbgħa li għadda, liema stqarrija kienet tgħid li l-istandard akkademiku tal-korsijiet tal-inġinerija offruti mill-MCAST se jkun reviżjonat biex ikun assigurat li dawn jaqblu ma’ dak offrut mill-Università ta’ Malta. L-istqarrija maħruġa mill-Gvern emfasizzat li m’hemm l-ebda intenzjoni biex jitnaqqas l-istandard tal-professjoni.

Intant l-MCAST qalet li l-istqarrija tal-Union Periti u Inġiniera tas-Settur Pubbliku tista’ tiġi inerpretata biss bħala attentat ieħor biex jiġi skreditat ix-xogħol u r-reputazzjoni tal-kulleġġ.

Il-kulleġġ żied jgħid li mill-2013 ’l hawn aktar minn 200 student iggradwaw mill-kors akkreditat offrut minnu li jwassal biex jinkiseb baċellerat fl-Inġinerija. Tenna li dawn l-alumni issa jinsabu jokkupaw karigi importanti fil-qasam kemm lokalment u anke internazzjonalment. Saħansitra bosta minnhom komplew bl-istudji tagħhom f’livell ta’ Masters u dottorat f’istituzzjonijiet edukattivi lokali u barra minn pajjiżna.

Fl-istess waqt l-MCAST qal li l-edukaturi kollha tal-programm huma kwalifikati f’livell ta’ PhD jew Master’s u għandhom esperjenza estensiva fl-industrija.

Ekonomija

Sport