It-Tnejn filgħodu kompla l-ġuri fejn erba’ persuni jinsabu akkużati bil-qtil tal-avukat Carmel Chircop u l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia
L-imputati huma l-aħwa Adrian u Robert Agius kif ukoll Jamie Vella u George Degiorgio.
Fis-seduta tat-Tnejn bdiet tiġi indirizzata mill-avukat Nicholas Mifsud li qiegħed jidher għal Adrian Agius.
Hu qal li l-maħfra presidenzjali li kien ingħata Vince Muscat ma tfissirx li hu xhud kredibbli filwaqt li sostna li Muscat kien inkonsistenti meta xehed dwar Adrian Agius.
Dr Mifsud qal li l-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta’ Chircop ma saritx bl-istess diliġenza u enerġija bħall-qtil ta’ Caruana Galizia, li involviet esperti mill-Istitut Forensiku Olandiż u l-FBI.
Fl-indirizz tiegħu, l-avukat difensur ikkritika lill-investigaturi fejn qal li huma taw biss kas il-garaxx fejn inqatel Chircop, iżda fl-istess waqt ma tawx kas id-daħliet u l-ħruġ tal-kumpless tal-istess garaxx.
Sostna li l-investigaturi messhom investigaw lil Jeffrey Mallia kif suppost, għax skont hu Chircop kien involut fi ftehim ta’ negozju ma’ Mallia qabel mewtu. Dr Mifsud fakkar lill-ġurati li Mallia kien ippreżenta rapport kriminali kontra Chircop dwar dan il-ftehim.
Waqt li kompla jikkritika lill-investigaturi qal li huma messhom daħlu aktar fid-dettall fix-xogħol tagħhom. Irrefera għal xhud li kien hemm waqt il-ġuri fejn uffiċjali tal-pulizija qalu li Agius kien meqjus bħala suspettat aktar b’saħħtu għax mart il-vittma kienet qaltilhom li l-ftehim li kien hemm kien ta’ tħassib ewlieni għal żewġha qabel inqatel.
L-Avukat Mifsud qal li din mhix raġuni b’saħħitha biżżejjed biex wieħed jissuspetta f’Agius waħdu mingħajr ma jinvestiga lil Mallia b’aktar rigorożità.
Sostna li l-mottiv propost mill-prosekuzzjoni għall-qtil kien ċar li Agius kellu xi dejn mal-vittma u ried jeħles minnu. Chircop kien sellef lid-diretturi ta’ More Supermarkets €750,000.
L-imputat kien deher bħala debitur fuq il-kuntratt li kien sar. L-avukat qal li Agius ma kellux għalfejn jeħles minn Chircop għax id-dejn kien se jintiret mill-bqija tal-familja tiegħu.
L-Avukat difensur qal waqt il-ġuri li Agius kien fetaħ kważa ċivili kontra l-familja ta’ Chircop wara li kien seħħ il-qtil bit-tama li l-kuntratt jiġi ddikjarat null u bla effett.
Id-difiża qalet li Agius l-ewwel kien offra garaxx, iżda l-familja kienet qalet li mhux interessata fi proprjetà. Imbagħad l-familja u Agius kienu ftehmu fuq ħlas barra l-qorti ta’ €165,000.
Skont Dr Mifsud, il-familja laħqet ukoll ftehim ma’ Jeffrey John Mallia, imma kien Mallia li kiseb dak li ried.