Monday, July 28, 2025

Ikompli l-investiment soċjali: Fl-ewwel nofs tal-2025 l-investiment soċjali kien €75 miljun aktar minn dak investit f’sena sħiħa fl-2012

Aqra wkoll

It-tkabbir tal-investiment fil-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali kompla jirranka fl-ewwel nofs tas-sena fejn globalment laħaq aktar minn €857 miljun. Dan kien l-akbar ammont li qatt ġie reġistrat għal dan il-perjodu tas-sena u f’sitt xhur biss kien €75 miljun aktar minn dak investit f’sena sħiħa fl-2012.

Iċ-ċifri ppubblikati llum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, juru li t-tkabbir fuq l-istess perjodu fl-2024 kien ta’ aktar minn €85 miljun, bl-akbar qabża tkun fuq benefiċċji b’risq pensjonanti, familji bit-tfal u anzjani.

Ftit anqas minn 98,000 pensjonanti kontributorji rċevew bejniethom aktar minn €650 miljun f’rati mtejba ta’ pensjonijiet tal-irtirar, tal-invalidità u tar-romol flimkien mal-pagamenti tal-bonus li jitħallas mal-pensjonijiet. Persuni oħra intitolati għal pensjoni mhux kontributorja tal-età rċevew b’kollox kważi €11-il miljun.

Tħallsu wkoll għotjiet li jlaħħqu €10.4 miljun lil 13,490 persuna, l-aktar nisa, li mhumiex intitolati għal pensjoni minħabba li ma kellhomx bolol biżżejjed biex jikkwalifikaw.

Il-benefiċċji għal familji bit-tfal fl-ewwel sitt xhur tas-sena telgħu għal kważi €48 miljun – żieda ta’ kważi €10 miljuni. L-akbar żidiet kienu rreġistrati fin-nefqa fuq is-suppliment li jitħallas maċ-Children’s Allowance, li żdied b’aktar minn €8 miljun, u fuq l-allowance li titħallas lil familji b’wild f’edukazzjoni postsekondarja jew terzjarja li żdiedet b’€1.6 miljun.

Żidiet oħra sinifikanti kienu fil-benefiċċji għal tfal u persuni b’diżabilità u fl-għotja li jingħataw anzjani fl-età ta’ 75 sena jew akbar.

Bosta minn dawn il-familji u anzjani kienu fost is-97,000 benefiċjarji li tħallsu l-benefiċċju addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja. B’kollox is-somma li rċevew kienet tlaħħaq kważi €25 miljun, żieda ta’ aktar minn €6 miljun fuq l-istess perjodu fl-2024.

F’kummenti li ta l-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, stqarr li għalkemm kien hemm xi żidiet fl-għadd ta’ benefiċjarji f’kategoriji diversi, dan it-tkabbir b’saħħtu fl-investiment soċjali kien prinċipalment xprunat mill-fatt li l-miżuri kollha mmirati biex jittejbu r-rati tal-benefiċċji kif imħabbra fil-Budget 2025 daħlu fis-seħħ kompletament fl-ewwel xhur tas-sena.

Il-Ministru Falzon qal li kien ukoll ta’ sodisfazzjon li jara li tul dawn ix-xhur kompla jonqos l-għadd ta’ persuni li jirċievu l-assistenza soċjali u tad-diżimpjieg. Stqarr li bis-saħħa ta’ ekonomija b’saħħitha, li kattret eluf ta’ impjiegi ġodda, flimkien mal-iskemi mħaddma mill-Ministeru biex aktar nies jitħajru jidħlu fid-dinja tax-xogħol, minn għadd rekord ta’ kważi 16,000 ruħ fuq l-assistenzi soċjali u tad-diżimpjieg fl-2013 l-għadd tagħhom fl-ewwel nofs ta’ din is-sena niżel għal 5,700 persuna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport