Saturday, December 21, 2024

Ikompli l-irmonk tal-Chem P… għaddasa janalizzaw iż-żona qrib l-interconnector

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Filwaqt li l-andament biż-żewġ laneċ ta’ Tug Malta għaddej b’rittmu tajjeb, dan is-sit jinsab infurmat li fuq in-naħa l-oħra hemm uffiċjali oħrajn inkluż għaddasa li se janalizzaw is-sitwazzjoni tal-ankra li nqalgħet aktar kmieni minn mat-tanker Chem P. Minn hemm se jaraw jekk hux possibbli li din tinqala’ mingħajr ma ssir l-ebda ħsara fl-interconnector, jekk sfortunatament mhux diġà saret.

Fl-istess waqt il-ħidma tkompli biex it-tanker ikun jista’ jittieħed lejn iż-żona magħrufa bħala ‘area 6’ li hija meqjusa bħala aktar sigura biex jigi ankrat mill-gdid.

Sorsi qrib dan is-sit ikkonfermaw magħna li l-ħidma f’San Pawl mhix se tkun waħda faċli minħabba li  r-riħ qawwi seta’ kkawża problemi ta’ viżibiltà taħt il-baħar.

8:30: Il-katina tal-ankra tal-Chem P tintelaq fil-baħar u jibda l-irmonk

Kmieni dalgħodu bdiet il-ħidma biex it-tanker Chem P jkun jista jiġi rmunkat lejn Anchor Bay fil-limiti ta’ Popeye Village. It-tanker ilu wieqaf ’il barra mix-xatt ta’ Baħar iċ-Ċagħaq mis-Sibt, iżda kawża tal-maltemp kellu jinżamm fil-post minħabba analiżi tar-riskju li saret mill-awtoritajiet Maltin.

It-tanker qiegħed ikun assistit minn żewġ laneċ tat-Tug Malta li huma l-Ispinola u s-St Elmo. Dan wara li aktar kmieni għall-ħabta tas-6:00 a.m bdiet ħidma biex inqatgħet l-ankra li hemm tħassib li tista’ tkun maqbuda mal-interconnector. Minn hemm it-tanker beda dan il-vjaġġ tiegħu li mistenni jieħu sa aktar tard waranofsinhar tal-lum stess.

Ritratt tal-Chem P mill-arkivji

Sorsi qrib dan is-sit ikkonfermaw magħna li għalkemm ir-riħ naqqas ftit, il-mewġ għadu wieħed qawwi, iżda li l-laneċ tat-Tug Malta diġà laħqu veloċità sodisfaċenti li se tgħin biex il-vjaġġ ikun wieħed ta’ suċċess.

5:30 a.m: Dalgħodu l-Chem P għandu jiġi rmunkat lejn post aktar sigur

Dalgħodu mistennija tkompli l-operazzjoni biex it-tanker Chem P jiġi rmunkat lejn post aktar sigur. It-Tug Master Mark Muscat ikkonferma ma’ dan is-sit li biex jiġi evitat ċertu riskju ta’ ħsara fl-interconnector, l-ankra se tinqata’.

Wara se jibda l-proċess tal-irmonk u tkompli l-operazzjoni biex ladarba l-ankra tinqala mill-post b’kawtela, tkun tista’ terġa’ titwaħħal mat-tanker f’ħidma li se tinvolvi kollaborazzjoni minn tim sħiħ t’uffiċjali li mistennija tieħu sigħat.

Ritratt: Roger Azzopardi

F’kumment ma’ dan is-sit, ilbieraħ Muscat kellu kliem ta’ tifħir għall-ħaddiema kollha involuti, kemm il-kaptan tat-tanker kif ukoll dawk Maltin. Kellimna dwar il-kalma fil-ħidma li tikkonferma l-esperjenza u l-kapaċità ta’ dawk involuti.

L-ewwel ħsieb kien li t-tanker jiġi rmunkat minnufih, iżda minn analiżi tar-riskju li saret, il-Harbour Master David Bugeja ħa d-deċiżjoni finali li ma kienx hemm lok ta’ riskju. Minn hemm bdiet ħidma biex il-Chem P jiġi miżmum fl-istess post minn żewġ tug boats.

B’hekk illum li qabad jikkalma t-temp se tkun aktar faċli biex dan it-tanker bla magna jiġi rmunkat lejn post aktar sigur.

AQRA WKOLL:

Ekonomija

Sport