Saturday, September 27, 2025

Ikompli l-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-futur kreattiv ta’ Malta permezz ta’ ENVISION2050

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali kompla jaħdem fuq il-proċess ta’ konsultazzjoni għall-industriji tal-arti u l-kreattività taħt il-kappa ENVISION2050, permezz ta’ sessjoni ta’ konsultazzjoni pubblika ffukata fuq is-settur kulturali u kreattiv.

Is-sessjoni laqqgħet diversi prattikanti, membri tal-pubbliku, istituzzjonijiet u partijiet interessati oħra permezz ta’ roundtables fejn ġew diskussi l-prijoritajiet li ser jigwidaw dawn l-oqsma fis-snin li ġejjin. Is-sessjoni offriet l-opportunità lil dawk kollha li b’xi mod huma involuti f’dawn is-setturi sabiex jaqsmu l-fehmiet tagħhom dwar kif is-settur kulturali u kreattiv jista’ jikkontribwixxi b’mod ċentrali għall-iżvilupp tal-erba’ pilastri strateġiċi li flimkien jgħaqqdu l-Viżjoni Malta 2050 – it-tkabbir ekonomiku sostenibbli; servizzi aċċessibbli u li jqiegħdu liċ-ċittadin fiċ-ċentru; pajjiż reżiljenti u sistema ta’ edukazzjoni moderna; u l-użu Intelliġenti tal-art u l-baħar.

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici stqarr, “Dan tal-lum jimmarka parti minn proċess ferm importanti għal pajjiżna, hekk kif qed nieħdu deċiżjoni konxja li nippjanaw mhux biss għal futur tal-artisti u l-prattikanti tal-lum, iżda wkoll għal dawk t’għada u pitgħada.”

“Permezz ta’ ENVISION2050 ser niġbru l-aproċċ ta’ diversi setturi – inklużi dawk kulturali u kreattivi – taħt qafas nazzjonali wieħed, biex b’hekk kulħadd ikun qed jiġbed l-istess ħabel. Dan il-gvern kien wiegħed li l-ebda leħen m’hu ser jintesa’, li kull settur ser igawdi minn investiment ta’ finanzi kif ukoll ta’ riżorsi, ħsieb u strateġija. Il-proċess tal-lum huwa parti minn din il-wegħda, hekk kif biħsiebna nkomplu nagħtu l-ispazju lil dawk kollha li huma involuti fl-industrija sabiex jsemmgħu leħinhom u jkunu parteċipi fid-deċiżjonijiet li jolqtu lilhom u lil uliedhom,” sostna l-Ministru Bonnici.

Dr Luke Dalli, Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, qal “L-industriji tal-arti u l-kreattività bħalissa jinsabu f’punt importanti, hekk kif bħala Kunsill Malti għall-Arti nedejna l-proċess sabiex titfassal l-istrateġija għas-snin li ġejjin. ENVISION2050 tifforma parti importanti minn dan il-proċess billi tgħaqqad l-ambizzjonijiet tal-artisti u l-prattikanti li jaħdmu fi ħdan is-settur ma’ dawk tal-bqija tal-pajjiż. Bħala Kunsill, l-għan tagħna huwa li ngħinu sabiex il-professjonisti tas-settur ma jkunux qed jaħdmu f’vakum, iżda jimxu spalla ma’ spalla mas-setturi l-oħra, filwaqt li igawdu mill-appoġġ li jixirqilhom. Għalhekk, is-sejbiet minn din is-sessjoni tal-lum ta’ ENVISION2050 se jkomplu jinfurmaw il-viżjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti hekk kif attwalment qed naħdmu fuq Strateġija2030.”

Is-Segretarju Permanenti għall-Implementazzjoni u l-Koordinazzjoni tal-Viżjoni Malta 2050 Ronald Mizzi, sostna li “L-arti hija r-ruħ tas-soċjetà tagħna. Se nkomplu nixprunaw l-ħidma f’dan is-settur bħala parti mill-Viżjoni Malta 2050 kemm fejn tidħol l-edukazzjoni, l-aċċessibilità, fondi u opportunitajiet. Permezz tal-arti, nkomplu nikkultivaw il-wirt tagħna filwaqt li nimxu lejn il-futur b’identità nazzjonali, f’pajjiż fejn il-progress se jkun qed jitkejjel bil-kwalità tal-ħajja.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport