It-tfixkil fit-titjiriet bl-ajru madwar l-Ewropa mistenni jkompli, bl-ajruport ta’ Brussell fil-Belġju talab lil-linji tal-ajru biex jikkanċellaw kważi nofs it-titjiriet tagħhom tal-bieraħ.
Diversi mill-aktar ajruporti traffikużi tal-Ewropa qattgħu l-aħħar ftit jiem jippruvaw jirrestawraw l-operazzjonijiet normali, wara li attakk ċibernetiku nhar il-Ġimgħa waqqaf is-software awtomatiku tagħhom taċ-check-in u l-imbark.
Għakemm it-tfixkil tnaqqas b’mod sinifikanti fl-ajruport ta’ Berlin u Londra Heathrow, id-dewmien u l-kanċellazzjonijiet tat-titjiriet baqgħu.
L-Ajruport ta’ Brussell ħabbar li l-fornitur tas-servizz kien qed jaħdem b’mod attiv fuq il-kwistjoni iżda għadu mhux ċar meta l-kwistjoni se tiġi solvuta.
Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet AP, il-linji tal-ajru intalbu jikkanċellaw kważi 140 mit-276 titjira tagħhom li kienu skjedati għal bieraħ it-Tnejn.
Nhar il-Ħadd, l-jruport ta’ London Heathrow nfasizza li l-maġġoranza l-kbira tat-titjiriet komplew joperaw u ħeġġeġ lill-passiġġieri biex jiċċekkjaw l-istatus tat-titjira tagħhom qabel ma jivvjaġġaw lejn l-ajruport.
Nofs il-linji tal-ajru li jtiru minn Heathrow kienu lura online f’xi forma sal-Ħadd – inkluża British Airways, li ilha tuża sistema ta’ riżerva mis-Sibt.
Kelliem għall-Ajruport ta’ Berlin qal lill-BBC li xi linji tal-ajru kienu għadhom qed itellgħu l-passiġġieri manwalment u ma kellha l-ebda indikazzjoni dwar kemm se ddum il-qtugħ elettroniku.
Il-Kummissjoni Ewropea, li għandha rwol fil-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru madwar l-Ewropa, qalet li kienet qed tissorvelja mill-qrib l-attakk cibernatiku, iżda li ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li kien “mifrux jew sever”.
L-attakki ċibernetiċi fis-settur tal-avjazzjoni żdiedu b’600% matul is-sena li għaddiet, skont rapport reċenti mill-kumpanija aerospazjali Franċiża Thales.