Monday, November 4, 2024

Ikompli t-tiġdid tal-istrutturi u tal-politika tal-PN

Aqra wkoll

F’intervista oħra li kellu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, reġa’ ħareġ evidenti li dawn il-komunikazzjonijiet mal-poplu qegħdin jintużaw biss bħala attakki u kritika kontinwa għal dak kollu li jagħmel il-Gvern. Filwaqt li dawwar temi bħal dik tad-dar tal-anzjani ta’ Bormla, l-għoli tal-ħajja u l-ambjent favurih, il-Kap tal-Oppożizzjoni ammetta li l-għan tal-Kunsill Ġenerali li qiegħed jorganizza bħalissa l-PN huwa biex iġeddu l-istrutturi u l-politika tagħhom ħalli jaslu biex ikunu l-aħjar għodd possibbli ħalli l-poplu jħares lejn il-PN, “bħala l-unika tama tal-pajjiż”.

F’diskors li jagħti l-impressjoni li fil-pajjiż kollox huwa ħażin, Grech saħaq li għandna gvern li ma jieħux deċiżjonijiet, li huwa bla direzzjoni u li ma jagħtix prijorità lill-batut. Dan meta, kif kulħadd jaf, il-Gvern preżenti mexxa u ġarr lill-poplu fi żminijiet bla diffiċli u bla preċedent bħalma kienet il-pandemija tal-Covid-19 u preżentament il-Gwerra fl-Ukrajna.

Il-Kap tal-PN tefa’ t-tort tal-għoli tal-ħajja fuq it-tmexxija preżenti u ħa l-okkażjoni biex jirriklama lilu nnifsu fejn saħaq li “int jixraqlek Prim Ministru li jagħti soluzzjonijiet” u dan b’referenza għalih. Hawn huwa beda jikkwota statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali fosthom dik li fil-pajjiż hawn 90,000 persuna fix-xifer tal-faqar li minnhom ma ġewx inklużi l-120,000 ħaddiema barranin li jgħixu fostna. Grech qal li għalih dan ifisser li jista’ jkun hawn iżjed nies li qegħdin jgħixu fil-faqar. Imbagħad semma’ li hemm 100,000 ruħ li jinsabu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni. “Allura dan ifisser li ftit inqas minn kwart tal-popolazzjoni għandha limitazzjonijiet kbar biex tgħix ħajja diċenti u serena. Jien jidhirli li mhuwiex aċċettabbli li f’pajjiżna għandna nies hekk,” kompla jħanbaq il-Kap tal-PN
Huwa kompla jgħid li statistika turi wkoll li hemm 73% tan-negozji li jaħsbu li din is-sena se jmorru agħar u saħaq li, “meta jkollok anke n-negozji li mhux qegħdin ikunu konvinti li se jkunu aħjar, ir-rota ekonomika tkompli tistaġna”.

Min-naħa tiegħu Grech insista li bħal Partit Nazzjonalista, huma jippjanaw, jagħmlu l-affarijiet bis-serjetà u għandom is-soluzzjonijiet fejn tidħol l-għoli tal-ħajja u tal-ambjent. “Aħna determinati li nkunu l-partit tal-ambjent. Importanti li nifhmu li l-flus mhumiex kollox imma importanti wkoll li ngħixu f’ambjent san. Aħna se nkomplu niltaqgħu man-nies li qiegħda tgħinna nagħmlu politika aħjar. In-nies huma aktar konvinti li l-PN sejjer ‘il quddiem u li dak li ngħidu aħna, jagħmel sens. Fuq din in-naħa hawn tim determinat, b’saħħtu u qegħdin naħdmu flimkien biex nimxu ‘l quddiem”.

Sport