Saturday, October 26, 2024

Ikompli t-titjib infrasrutturali fit-toroq t’Għawdex

Aqra wkoll

Bi spiża ta’ aktar minn €2 miljun f’sitt toroq madwar Għawdex, il-Ministeru u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biddlu s-servizzi tal-ilma u tad-drenaġġ, filwaqt li komplew jestendu n-network tan-New Water. 

Qabel it-toroq inksew mill-ġdid bl-asfalt, l-Enemalta wettqet ukoll diversi xogħlijiet ta’ titjib fl-infrastruttura tad-distribuzzjoni tal-elettriku b’cables ta’ vultaġġ għoli ġodda u ħejjiet il-konnessjonijiet meħtieġa għal substation ġdida, biex tkompli tilqa’ għad-domanda tal-elettriku f’dawn l-inħawi fis-snin li ġejjin. 

B’hekk, b’dan l-investiment ir-residenti tal-inħawi qed igawdu minn ambjent aħjar fit-toroq tagħhom, flimkien ma’ servizzi tal-ilma u tal-elettriku aktar affidabbli.

Ix-xogħlijiet saru fi Triq ix-Xagħra, ix-Xagħra, Triq Sir Luigi Camilleri, ir-Rabat, u Triq il-Kunċizzjoni, Triq Papa Piju 12, Triq il-Mitħna u Triq ta’ Semper, il-Qala.

Il-Ministru Clint Camilleri li flimkien mal-Ministru Miriam Dalli żaru x-xogħlijiet li qed isiru qal li l-infrastruttura fil-gżira Għawdxija baqgħet prijorità u fl-2022 tkompla l-programm ambizzjuż ta’ bini mill-ġdid ta’ toroq. 

Huwa stqarr li “wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-ministeru huwa l-ippjanar u l-iżvilupp tal-infrastruttura f’Għawdex sabiex niffaċilitaw l-iżvilupp sostenibbli u nkomplu ngħollu l-livell ta’ għajxien tar-residenti. Din is-sena, sal-lum, tajna xejn inqas minn 85,000 metri kwadri ta’ asfalt madwar Għawdex. Żieda ta’ 25% mir-rekord tas-sena preċedenti.”

Min-naħa tagħha, il-Ministru Miriam Dalli qalet li “Il-Korporazzjoni għas-servizzi tal-ilma u l-Enemalta kontinwament qed jaħdmu biex itejbu l-kwalità tas-servizzi  lill-klijenti f’Malta u Għawdex. Il-Ministru Dalli sostniet li dan l-investiment se jfisser li aktar familji se jgawdu minn żieda fl-effiċjenza ta’ servizzi essenzjali u sigurtà fil-provvista. Hija temmet tgħid li fli se jkompli jkun estiż in-network tan-New Water għall-bdiewa, biex anke jippreservaw l-ilma tal-pjan.

Sport