Il-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Dr Miriam Dalli flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma Karl Cilia u membri tal-Kunsill Lokali tal-Qrendi żaru Wied iż-Żurrieq fejn ix-xoghol għaddej anke matul il-lejl, biex jaraw mill-qrib il-progress fuq il-proġett ta’ tliet miljun ewro li għall-ewwel darba se jgħaqqad din iż-żona fil-Qrendi man-network nazzjonali tad-drenaġġ.
Matul din iż-żjara, ġie spjegat kif 1.5 kilometri ta’ infrastruttura ġdida tad-drenaġġ diġà tlestew. Dan il-proġett se jara tkabbir tan-network b’madwar 2 kilometri ta’ infrastruttura ġdida b’link bejn Wieq iż-Żurrieq u n-network tad-drenaġġ fiż-Żurrieq. B’hekk, 75% tax-xogħol tat-trinek issa jinsab lest, filwaqt li fadal l-aktar xogħol intensiv, fejn il-Korporazzjoni se tkun qed tgħaddi l-mejnijiet u s-servizzi tad-drenaġġ u l-ilma fil-qalba ta’ Wied iż-Żurrieq. Se jibda wkoll il-bini taż-żewġ pumping stations tad-drenaġġ li se jkunu mgħammra b’sensors u tagħmir elettroniku avvanzat għal manutenzjoni preventiva.
“Qegħdin inwasslu servizz modern li se jsaħħaħ il-kwalità tal-infrastruttura u fl-istess ħin jipproteġi l-ambjent ta’ din iż-żona. Dan il-proġett juri kif l-investiment fl-infrastruttura jmur id f’id ma’ teknoloġija u s-sostenibbiltà. Filwaqt li qegħdin nassiguraw li r-residenti jkollhom servizzi effiċjenti u siguri li jnaqqsu l-inkonvenjent ta’ kuljum, qed nuru kif aħna impenjati ikollna infrastruttura iktar b’saħħitha anke fejn jidħol in-network tad-drenaġġ. Dan hu eżempju ċar ta’ kif proġett imfassal tajjeb jista’ jtejjeb il-ħajja tan-nies fil-komunità, u min iżurha,” qalet il-Ministru Dalli.
Ix-xogħol qed isir matul il-ġurnata u bil-lejl, b’koordinazzjoni sħiħa mal-komunità ta’ Wied iż-Żurrieq, sabiex il-proġett jitlesta qabel is-sajf.
Dan l-investiment se jelimina l-bżonn ta’ fosos privati, li s’issa kienu l-unika soluzzjoni f’Wied iż-Żurrieq. Ladarba jitlesta, il-proġett se jipprovdi servizz modern u affidabbli tad-drenaġġ filwaqt li jħares l-ambjent tal-madwar.
Il-Kap Eżekuttiv Karl Cilia enfasizza l-koordinazzjoni effettiva bejn it-timijiet tekniċi tal-Korporazzjoni u l-komunità lokali. “It-timijiet tagħna qed jaħdmu bla waqfien biex jilħqu l-mira qabel is-sajf. Il-proġett jinkludi żewġ pumping stations li se jittrasportaw id-drenaġġ minn Wied iż-Żurrieq lejn in-netwerk taż-Żurrieq. Ladarba jitlesta, iż-żona se tkun mgħammra b’sensors intelliġenti li jissorveljaw il-fluss u l-livell tad-drenaġġ f’ħin reali,” spjega s-Sur Cilia.
Dawn is-sensors jibagħtu twissijiet awtomatiċi lill-kamra tal-kontroll ċentrali tal-Korporazzjoni u f’każ ta’ xi anomaliji, il-ħaddiema tal-korporazzjoni jkunu jistgħu jintervjenu fl-inqas ħin possibli u jiġi evitat blokkar jew overflow fis-sistema.
Il-proġett jinkludi wkoll tibdil u tisħiħ fin-network tal-ilma potabbli, sabiex jiġi żgurat li s-servizzi kollha jkunu aġġornati u modernizzati qabel jingħata wiċċ ġdid lit-triq. Dan huwa proġett li fit-totalità tiegħu se jservi lill-komunità għal għexieren ta’ snin li ġejjin.
Il-Ministru Dalli rringrazzjat lit-timijiet u lill-komunità ta’ Wied iż-Żurrieq għall-kooperazzjoni tagħhom matul ix-xogħol.

