Saturday, October 11, 2025

Ikompli x-xogħol infrastrutturali f’diversi toroq madwar Għawdex

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar li tlestew ix-xogħlijiet infrastrutturali fi Triq Sir Arturo Mercieca fir-Rabat, Għawdex. 

Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li dan il-proġett huwa xhieda ta’ kif il-ministeru qed jaħdem b’mod koordinat biex isaħħaħ l-infrastruttura essenzjali f’kull rokna ta’ Għawdex. Huwa spjega li, “Triq Sir Arturo Mercieca hija eżempju ta’ kif il-proġetti li qed inwettqu f’Għawdex mhumiex biss xogħlijiet ta’ tarmak, imma investiment fit-tul fil-kwalità tal-ħajja tar-residenti tagħna. Billi nsaħħu s-sistemi tad-drenaġġ, tal-ilma u tad-dawl, qed niżguraw li l-infrastruttura tkun moderna, sigura u sostenibbli għas-snin li ġejjin.”

Fil-fatt, f’dan il-proġett saru diversi interventi fosthom inbidlet kompletament is-sistema tad-drenaġġ sabiex tiġi żgurata effiċjenza akbar u titnaqqas il-probabbiltà ta’ problemi fil-futur. Tpoġġa wkoll main ġdid tal-ilma li jsaħħaħ in-network ewlieni tal-ilma fir-Rabat u jtejjeb il-provvista għaż-żona u nbniet sistema ġdida ta’ pajpijiet għall-ilma tax-xita. Barra minn hekk, sar ukoll xogħol estensiv fuq is-sistemi tad-dawl, fejn tpoġġew tliet low tension cables sabiex tissaħħaħ il-provvista tad-dawl fiż-żona, filwaqt li cables antiki li ma hemmx użu għalihom tneħħew għalkollox. Fl-aħħar nett, it-triq inbniet mill-qiegħ u ngħatat wiċċ ġdid li joffri esperjenza ta’ sewqan aktar sigura.

Bħalissa fil-gżira Għawdxija għaddejjin diversi interventi u xogħlijiet fuq it-toroq sabiex jissaħħu n-networks essenzjali u tkompli titjieb il-kwalità tal-infrastruttura tat-toroq.

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri temm jgħid li dan il-proġett jifforma parti minn programm usa’ ta’ modernizzazzjoni tat-toroq u tas-servizzi essenzjali f’Għawdex, li għandu l-għan li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja u jkompli jsaħħaħ l-infrastruttura tal-gżira.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport