Kien kważi 70 sena ilu meta sitt nazzjonijiet li 12-il sena qabel kienu fi gwerra bejniethom u xi wħud okkupati, ingħaqdu bejniethom u ħolqu unjoni, mhux biss ta’ stati imma ta’ ċittadini – marbutin flimkien b’valuri komuni, koperazzjoni u paċi. Dawn kienu Franza, il-Ġermanja tal-Punent, l-Italja, il-Belġju, l-Olanda u l-Lussemburgu. Ftit snin qabel dawn kienu għedewwa. Dak li kien deher li lanqas timmaġinah – li jingħaqdu flimkien, kien seħħ u waqqfu il-Komunità Ekonomika Ewropea (EEC). Kellhom determinazzjoni li gwerra oħra bejniethom hi xi ħaġa li lanqas joħolmuha. L-idea ħadmet. Għal tmenin sena sħaħ, ebda membru tal-Unjoni Ewropea ma kien fi gwerra ma’ membru ieħor. Dan seħħ għax kien hemm determinazzjoni. Kien hemm struttura ekonomika u politika li wasslet għal dan.
Imma issa, qegħdin naraw li dak li sar kważi sebgħin sena ilu, illum qiegħed isir il-kuntrarju tiegħu. L-Unjoni Ewropea llum u l-pajjiżi kollha, m’għadhomx jitkellmu u jinsistu fuq il-paċi. Rajnihom għall-ewwel darba jgħinu militarment lill-Ukrajna. Marru imma oltre minn hekk u bdiet narrattiva bil-mod il-mod, liema narrattiva tipprepara liċ-ċittadini għall-gwerra.
Minn mindu r-Russja ħadet il-Krimea u invadiet l-Ukrajna, l-Ewropa esperjenzat qawmien mill-ġdid kemm fis-servizz militari obbligatorju kif ukoll f’dak volontarju. Fis-snin disgħin u fil-bidu tas-snin 2000, il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej neħħew gradwalment il-lieva obbligatorja. L-iżviluppi u t-tensjoni tal-aħħar snin, wasslu għal valutazzjoni mill-ġdid tas-servizzi militari. Il-Litwanja saret l-ewwel pajjiż tal-Unjoni. Ewropa li reġa’ introduċa l-lieva obbligatorja. Warajhom segwiet mill-Iżvezja u l-Latvja. In-Norveġja u d-Danimarka estendew il-lieva għan-nisa u f’Ottubru li għadda il-leġiżlaturi il-Kroazja ivvutat biex jerġgħu jdaħħlu s-servizz militari obbligatorju mis-sena 2026. Pajjiżi li kienu joqogħdu lura milli jintroduċu mill-ġdid l-ingaġġ militari obbligatorju daru għal programmi volontarji. Fost dawn hemm Franza, il-Ġermanja, il-Belġju u l-Polonja. L-Italja issa ukoll ħabbret li se tintroduċi servizz militari volontarju.
Dan kollu qiegħed isir biex iwassal messaġġ. Dan jindika li dawn il-pajjiżi daħlu f’era ġdida. Era immarkata minn kuntest ġeopolitiku tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u d-distanza dejjem tikber tal-Istati Uniti. Dawn huma pjani li qegħdin jinkwetaw liċ-ċittadini. Il-gvernijiet konxji minn dan u allura qegħin jippruvaw jilqgħu għal dawn iċ-ċirkostanzi. Fi Franza intqal li servizz militari l-ġdid se japplika biss fuq “territorju nazzjonali,” għalkemm il-Kap tal-Armata, Fabien Mandon qal li Franza għandha tkun “lesta li titlef it-tfal.”
Hu ċar ħafna llum li politiċi u burokratiċi fl-Unjoni Ewropea jidhru stinati li akkost ta’ kollox ikomplu bil-mod il-mod imexxu din in-narrattiva – ta’ gwerra fil-qrib. Hu ċar li m’għandhom ebda pjan ta’ paċi. Ebda strateġija. Sa issa l-unika strateġija li għandha l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi Ewropej hi dik li jarmaw militarment. Jonfqu l-flus fl-armi. Jibqgħu jagħtu l-armamenti lil Ukreni biex il-kunflitt jibqa’ jitwal. Dan ifisser aktar imwiet u aktar tkissir ta’ infrastruttura.
Din hi direzzjoni ħażina għall-Unjoni Ewropea. Unjoni Ewropea maħkuma u mbuttata biex tonfoq il-flus fl-armaments biex iħaxxnu bwiethom il-kumpaniji tal-armi. Hemm min qed jgħid li dan għandu jgħin lill-ekonomija fosthom dik tal-Ġermanja. Dikjarazzjoni li kważi kważi lanqas temminhom jekk ma tismagħhomx b’widnejk.
Nemmnu li l-Unjoni Ewropea mhux din id-direzzjoni għandha taqbad. Imma dik li tara li dan il-kunflitt u kunflitti oħra li jeżistu jintemmu. Jieqfu fi żmien qasir. L-Unjoni Ewropea għandha tara li ġġib fuq l-aġenda tad-diskussjonijiet il-paċi u mhux tiddiskuti kemm biljuni se tonfoq f’armamenti. Fuq kollox xi jfisser dan l-investiment fl-armi….telf ta’ ħajjiet. Telf ta’ suldati. Telf ta’ ħajjiet innoċenti. Tkissir ta’ infrastruttura.
Din hi l-Unjoni Ewropea llum. Minn unjoni għall-paċi, għandna unjoni li qed tara l-gwerer u qed tarma għalihom. Gwerer li mhux se jiġġilduhom il-politiċi u l-burokratiċi, imma se jkunu iċ-ċittadini u ulied il-pajjiżi Ewropej li se jiffaċċjaw dak li qegħdin bil-mod il-mod qegħdin iressquna lejh. Mhux se jkunu l-politiċi u l-burokratiċi li jispiċċaw bla ħajja, imma huma dawn l-istess ulied tal-pajjiżi Ewropej.


