Minn Victor Vella
Erba’ katavri ta’ tfal. Iddaħħlu mal-mewġ wara li d-dgħajsa li kienu fuqha flimkien ma’ immigranti oħra aktarx li għerqet. Kien hemm aktar tfal? Din hi domanda li għadha mhix imwieġba. Kemm mietu b’kollox persuni? Domanda oħra li dwarha m’hemmx tweġiba.
Dan hu każ ieħor ta’ qsim il-qalb. Każ li fih qed naraw it-traġedja umana fil-Mediterran tkompli għaddejja. Quddiem dan, l-Unjoni Ewropea tibqa’ tibni l-ħitan. Tibqa’ żżomm lura milli toħloq passaġġi siguri. Tibqa’ lura milli tara li jkun hemm operazzjoni ta’ salvataġġi għal dawk li jkunu qed jaqsmu.
Dan l-aħħar każ reġa’ fakkarna fit-traġedja ta’ Alan Kurdi, dak it-tifel Sirjan li kien instab mejjet fuq xtajta fir-Turkija fi vjaġġ mis-Sirja lejn it-Turkija. Ifakkarna ukoll fil-każ ta’ Joseph tarbija, li proprju ftit ġimgħat ilu biss ġiet salvata mill-baħar f’nofs il-Mediterran imma spiċċat mietet xorta waħda.
Dwar dan l-aħħar każ ta’ għarqiet fil-Mediterran tkellmet is-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar fil-Libja. Filfatt kienu huma li ħabbru li erbat itfal li għandhom bejn 5 u għaxar snin instabu fuq ix-xtajta Libjana qrib Zawija.
Huma qalu li dan seħħ wara li għerqet dgħajsa bl-immigranti.
“Konna infurmat li għerqet dgħajsa li fuqha kien hemm mat-30 persuna abbord,” iddikjara Mokhtar al Bey mis-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar fil-Libja.
Ta’ min jgħid li dwar l-għarqa ta’ Joseph tarbija ta’ sitt xhu, li mietet ftit ġimgħat ilu biss, membru ta’ għaqda non governattiva kien ikkummenta magħna li ““skużana Joseph”. Dan hu dak li għandi xi ngħid. Għax quddiem traġedja fejn tifel ta’ sitt xhur jegħreq fil-vjaġġ lejn l-Ewropa, nibqa’ bla kliem. Għerqet tarbija oħra. Din nafu li kien jisimha Joseph. Min jaf kemm għerqu oħrajn li la nafu min huma u lanqas x’kien jisimhom. Sal-ġimgħa d-dieħla kollox ikun intesa u Joseph ikun biss isem ieħor. Tarbija Afrikana oħra li nbelgħet mill-mewġ. Li kompliet iżżid il-katavri. Li jnixxifni hi ħaġa waħda. Fejn hi l-Unjoni Ewropea? Meta se tiċċaqlaq? Meta se tara li ma jibqgħux jintilfu ħajjiet”.