In-numru ta’ każi attivi ta’ Covid-19 komplew jiżdiedu wara li fl-aħħar 24 siegħa minn 2,732 swab test li saru rriżultaw 75 każ ġdid ta’ Covid-19. Fl-istess waqt kien hemm 31 persuna li kienu rapportati li rkupraw mill-virus.
Fl-aġġornament tagħha dwar is-sitwazzjoni tal-pandemija f’pajjiżna, is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet li hemm disa’ pazjenti pożittivi għall-virus li qed jinżammu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva. Fl-istess waqt hemm seba’ pazjenti oħrajn li qed jirċievu kura fit-Taqsima tal-Mard Infettiv, disa’ pazjenti oħrajn qed jinżammu f’wards oħrajn tal-Isptar Mater Dei, 12-il pazjent qed jirċievu kura fl-Isptar Boffa, 18-il pazjent qed jirċievu kura fl-Isptar St Thomas, u pazjent qed jinżamm fl-Isptar Karin Grech. Fl-Isptar Monte Karmeli u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex m’hemm l-ebda każi attivi.
B’ħarsa lejn in-numru ta’ każi li qed jiġu rapportati kuljum, il-Professur Gauci qalet li l-curve tal-każi qed titla’, bil-medja tal-każi ġodda matul dawn l-aħħar sebat ijiem tammonta għal madwar 60 każ kuljum.
Hija appellat lill-pubbliku biex jikkopera mal-awtoritajiet tas-saħħa u emfasizzat dwar l-importanza ta’ dawk il-persuni li jirriżultaw pożittivi biex jiżolaw ruħhom b’mod immedjat. Il-qraba tagħhom li ġew f’kuntatt magħhom għandhom jagħmlu l-istess.
Dwar id-djar tal-anzjani, hija qalet li l-awtoritajiet ħadmu biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni permezz ta’ miżuri ta’ iżolament, kwarantina u testijiet lir-residenti u l-ħaddiema. Hija qalet li dan wassal biex in-numru ta’ każi fid-djar tal-anzjani qed jonqos. Filwaqt li qalet li s-sitwazzjoni tinsab taħt kontroll xorta tenniet li wieħed irid ikun kawt minħabba li dan huwa l-grupp ta’ persuni l-aktar vulnerabbli.
Dwar il-clusters, il-Professur Gauci qalet li l-biċċa l-kbira tal-każi pożittivi matul din l-aħħar ġimgħa kienu relatanti għal każi li jinkludu t-tixrid tal-virus fost qraba, fejn fuq medda ta’ ġimgħa rriżultaw 86 każ.
Hija żiedet tgħid li matul din l-aħħar ġimgħa kien hemm ukoll 36 persuna li rriżultaw pożittivi minn tixrid tal-virus fuq il-post tax-xogħol. Hija ħeġġet għall-użu tal-maskri fuq il-post tax-xogħol u għad-distanza soċjali, u kif ukoll biex fejn huwa possibbli ssir ħidma bit-teleworking.
Fl-istess waqt hija qalet li qed tistenna li l-każi pożittivi jkomplu jiżdiedu.
Dwar is-sitwazzjoni f’Għawdex, hija qalet li hemm 15-il każ biss attiv, filwaqt li f’Malta hemm 566 każ.
L-età medja għall-każi ġodda matul din l-aħħar ġimgħa kienet ta’ 39 sena.
Il-Prof. Gauci qalet ukoll li b’paragun mal-ġimgħa preċedenti, matul din il-ġimgħa kienet reġistrata żieda fin-numru ta’ każi f’dawk il-persuni li għandhom bejn il-75 u l-84 sena.
Aktar dettalji mal-ħin…