… nuqqas ta’ provvisti ta’ ikel u affarijiet bażiċi
Matul il-jum tal-bieraħ il-belt Ċiniża ta’ Shanghai rrapportat kważi 25,000 każ ġdid ta’ Covid-19 trażmess lokalment. Dan qiegħed ikompli joħloq tħassib kbir dwar ir-rata ta’ kif qiegħed jinfirex il-virus f’din il-belt, fejn qiegħed iħalli wkoll impatt fuq il-provvisti tal-ikel u affarijiet essenzjali oħrajn. L-awtoritajiet huma mħassba li din is-sitwazzjoni se tkompli tinfirex fi bliet oħrajn ġewwa dan il-pajjiż.
Iċ-Ċina qiegħda ssegwi politika ta’ “tolleranza żero” u b’hekk is-26 miljun resident ta’ din il-belt jinsabu taħt restrizzjonijiet stretti fejn l-uniku persuni li jistgħu joħorġu minn djarhom huma l-ħaddiema tas-saħħa, il-voluntiera u ħaddiema li jaqassmu l-affarijiet. Biex wieħed joħroġ minn daru jeħtieġ li jkollu permess speċjali mill-awtoritajiet.
Il-każi rrapportati f’Sanghai huma tista’ tgħid żgħar meta mqabblin ma’ bliet oħrajn madwar id-dinja, iżda dawn in-numri huma fost l-ikbar li kien hemm minn meta feġġ l-ewwel darba l-virus tal-Covid-19 ġewwa Wuhan fiċ-Ċina fl-2019. L-awtoritajiet Ċiniżi qalu li fil-każijiet li kien hemm fl-aħħar sigħat, 1,006 persuni wrew sintomi filwaqt li 23,937 ma kellhomx sintomi.