Komplew jonqsu l-każi attivi ta’ Covid-19 wara li bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa kien hemm aktar persuni li fiequ milli każi ġodda.
Fil-fatt, l-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru li nstabu 214-il każ ġdid ta’ Covid-19 filwaqt li kien hemm 280 oħra li ġew dikjarati bħala li fiequ mill-virus. B’hekk il-każi attivi issa niżlu għal 2,675.
It-total ta’ mwiet relatati mal-pandemija telgħu għal 560 wara li fl-aħħar sigħat miet raġel ta’ 78 sena waqt li kien pożittiv għall-Covid-19.
Fl-Isptar Mater Dei hemm 98 persuna li qed jingħataw il-kura minħabba l-virus b’ħamsa minnhom jinsabu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.
Sal-Ħamis filgħaxija kienu ngħataw 1,218,503 dożi tal-vaċċin kontra l-Covid-19 li minnhom 333,053 kienu dożi tal-booster.