Saturday, July 26, 2025

Ikomplu l-laqgħat ta’ konsultazzjoni dwar il-Viżjoni Malta 2050: Kunsilli lokali iktar b’saħħithom b’ħidma lejn komunitajiet reżiljenti

Aqra wkoll

Bħala parti mill-konsultazzjoni dwar il-Viżjoni Malta 2050, is-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali flimkien mad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali u t-tim ta’ Viżjoni Malta 2050, organizzaw tliet laqgħat ta’ konsultazzjoni bit-titlu ‘Envision 2050 – Lejn Komunitajiet Reżiljenti’.

Dawn il-laqgħat iffukaw fuq il-kontribut siewi tal-qasam tal-Gvern Lokali u tal-entitajiet u dipartimenti li jaħdmu fil-qrib tal-kunsilli u r-reġjuni. Għal dawn il-laqgħat attendew l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali (AKL), l-Assoċjazzjoni Nazzjonali għas-Segretarji Eżekuttivi Kunsilli Lokali (ANSEK), kif ukoll rappreżentanti minn dipartimenti u entitajiet governattivi li jaħdmu id f’id mal-kunsilli lokali.

F’intervent li għamlet waqt dawn il-laqgħat, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, irrimarkat, “Ir-reżiljenza u l-kapaċità li nadattaw irwieħna għal kull eventwalità fil-livell ta’ Gvern Lokali huwa essenzjali sabiex inħarsu u ntejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies kif ukoll insaħħu l-inklużjoni soċjali, nippreservaw il-wirt kulturali u nħarsu l-ambjent ta’ madwarna. Servizzi aktar aċċessibbli fil-komunitajiet huma kruċjali wkoll, għalhekk il-kunsilli lokali jridu jkunu fiċ-ċentru ta’ din il-viżjoni. Għaldaqstant dawn il-laqgħat ta’ konsultazzjoni huma importanti biex flimkien inkunu nistgħu nfasslu l-viżjoni għal pajjiżna li twassalna sal-2050.”

Għal dawn il-laqgħat kien hemm preżenti wkoll id-Direttur Ġenerali għall-Gvern Lokali Emile Vassallo li enfasizza l-importanza li l-kunsilli lokali u reġjonali jingħataw lok biex ikunu ċentrali fid-deċiżjonijiet minn entitajiet u dipartimenti tal-gvern li jkunu se jimpattaw il-lokalitajiet rispettivi.

Min-naħa tat-tim ta’ Viżjoni Malta 2050, Roberta Albanese Dalli spjegat kif il-Viżjoni Malta 2050 se tolqot lill-irħula u l-ibliet f’diversi setturi kemm jekk qed jippjanaw mobbiltà, sigurtà, inklużjoni, turiżmu, fost oħrajn. Hija saħqet li “l-irwol tal-kunsilli lokali mal-entitajiet governattivi jwassal għal koordinazzjoni ħolistika li fl-aħħar mill-aħħar jibbenefika l-poplu minnha, jekk irridu li verament jkollna ċ-ċittadin fiċ-ċentru tal-Viżjoni Malta 2050, hekk kif jitlob wieħed mill-pilastri tal-Viżjoni.”

Il-pubbliku huwa mistieden jipparteċipa f’din il-konsultazzjoni pubblika billi jissottometti l-fehmiet tiegħu fuq envision2050.gov.mt sad-9 ta’ Settembru li ġej.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport