Wara li f’Settembru li għadda ttellgħet il-konferenza nazzjonali li matulha bdew id-diskussjonijiet dwar l-NPICU Support Leave, issa d-diskussjonijiet komplew fuq livell tekniku permezz ta’ laqgħa mal-professjonisti li matulha ġew diskussi punti mediċi relatati ma’ dan il-leave.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, fil-ftuħ tal-laqgħa teknika rringrazzja d-Deputat Romilda Zarb li kienet tefgħet dawl fuq din is-sitwazzjoni, liema tema nibtet mill-konsultazzjoni dwar il-Miscarriage Leave, li qal minnha ħarġu bosta punti oħra li wkoll kienu rilevanti u importanti.
Dr Ellul spjega li issa li l-Miscarriage Leave tinsab fl-aħħar fażijiet tagħha biex titnieda, u se tkun applikabbli mill-1 ta’ Jannar tas-sena d-dieħla, se jkompli għaddej ix-xogħol fuq il-Leave għall-koppji li wara t-twelid it-trabi tagħhom jittieħdu għall-kura intensiva.
Qal li dan, flimkien anke mal-miżura tal-estensjoni tal-Leave tal-Maternità u tal-Paternità, t-tisħiħ tal-Parental Leave, u miżuri oħrajn bħad-diskussjoni dwar ir-remote working, kollha jservu ta’ appoġġ għall-familji Maltin u Għawdxin, filwaqt li jwasslu għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.
Matul il-laqgħa teknika saret preżentazzjoni minn Dr Rita Pace Parascandalo, li ġiet inkarigata biex tmexxi studju xjentifiku dwar kif leave għal koppji li t-trabi tagħhom ikunu fl-NPICU, se jkun qed jgħin mhux biss lill-ġenituri mill-aspett finanzjarju, iżda wkoll lit-tarbija mill-aspett fiżiku.
Dr Pace Parascandalo spjegat li diġà hemm evidenza xjentifika li turi li meta t-tarbija tkun f’kura intensiva, tirkupra aktar malajr aktar kemm il-ġenituri jqattgħu ħin magħha. Għalhekk, spjegat illi l-istudju li se twettaq ser ikun qed jistħarreġ x’inhuma l-implikazzjonijiet ta’ dan.
Din il-laqgħa teknika hija waħda minn sensiela fejn professjonisti mediċi, akkademiċi, u anke ġenituri li għaddew minn din l-esperjenza, se jkollhom l-opportunità jaqsmu l-esperjenza tagħhom, sabiex jinstab l-aħjar mudell possibbli ta’ kif u b’liema mod għandu jingħata dan il-leave.

