Permezz ta’ ħidma mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, klabb tal-futbol tal-Imqabba, issa qiegħed igawdi minn faċilitajiet sportivi aktar moderni u siguri.
Waqt żjara li għamel is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia, akkumpanjat mill-President tal-Klabb Terrance Briffa, seta’ jara kif madwar 110 tifel u tifla li jattendu n-nursery ta’ Mqabba FC, kif ukoll it-tim tal-kbar, qegħdin jitħarrġu fil-logħba tal-ballun f’ambjent isbaħ u aktar sigur.

Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia rrimarka kif ix-xogħlijiet li saru fil-faċilitajiet ta’ Mqabba FC u fi klabbs oħrajn bħal Siġġiewi FC, Luqa St. Andrew’s, Lija Athletics FC u Dingli Swollows FC fost oħrajn “mhumiex biss investiment f’dawn l-għaqdiet volontarji mil-lat ta’ bini u infrastruttura, iżda investiment fil-formazzjoni ta’ kull tifel u tifla li għandhom għal qalbhom il-logħba tal-futbol.” Farrugia tenna li permezz ta’ dawn il-proġetti, il-Gvern qed jagħti prova ċara ta’ kemm jemmen fl-importanza tal-għaqdiet sportivi u volontarji bħala mezz ta’ edukazzjoni, dixxiplina u inklużjoni soċjali.
Is-Segretarju Parlamentari żied jgħid li l-faċilitajiet moderni u siguri huma kruċjali biex it-tfal u ż-żgħażagħ ikunu jistgħu jiżviluppaw it-talenti tagħhom f’ambjent b’saħħtu u pożittiv, filwaqt li jagħtu wkoll spazju lill-ġenituri, kowċis u komunitajiet lokali biex jiltaqgħu u jgawdu minn din l-esperjenza sportiva.

“B’dan l-investiment,” sostna Farrugia, “aħna mhux biss qegħdin intejbu l-faċilitajiet tal-klabbs, imma qed inrawmu ġenerazzjoni li titgħallem il-valuri tal-għaqda u r-rispett, valuri li jibqgħu magħhom tul ħajjithom.”
Il-President ta’ Mqabba Terrance Briffa wera s-sodisfazzjon tiegħu għall-kollaborazzjoni bejn il-klabb u d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi biex it-tfal, it-tim tal-youths u t-tim tal-kbar jitħarreġ f’faċilitajiet isbaħ u aktar siguri.
Fost ix-xogħlijiet li twettqu minn Id il-Public Works fil-, saret ħidma fuq il-fence u n-netting li jdawwru l-ground, sistema ġdida ta’ dawl u immodernizzar taċ-changing rooms.
Għaż-żjara attendew is-Sindku Grace Marie Zerafa u d-Direttur Ġeneral tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi l-Perit Stephen Bonello.

