Madwar id-dinja kollha hawn aktar minn biljun persuna li huma obeżi. F’Malta wkoll hawn persuni hekk. Dawn iċ-ċifri saru magħrufin minn statistika tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, u jiżvelaw li bejn l-2022 u l-2024, 17% tat-tfal Maltin ta’ bejn is-7 u d-9 snin huma obeżi u 35.5% jinsabu fir-riskju li jsiru obeżi.
Bla dubju, il-mistoqsija kruċjali li trid issir hi l’għaliex illum għad għandna rata daqshekk għolja ta’ nies li għandhom piż żejjed? Forsi għax aħna m’aħniex edukati biżżejjed dwar x’għandna nieklu għall-ġid ta’ saħħitna? Forsi għax aħna poplu neqsin milli nagħmlu eżerċizzji fiżiċi? Forsi wkoll għax ma tantx nagħtu kas ta’ kampanji ta’ x’għandna nagħmlu biex insostnu saħħitna?
Inkunu qed nigdbu jekk ngħidu li f’pajjiżna m’hawnx faċilitajiet dwar kif inkabbru l-għarfien tagħna dwar il-ħtieġa tal-eżerċizzji fiżiċi. Huwa fatt magħruf li l-ħxuna żejda tista’ tkun il-punt li twassal għal diversi mard serju bħad-dijabete, il-mard tal-qalb u taċ-ċirkolazzjoni u s-sadd tal-arterji bil-kolesterol. Għalhekk huwa ta’ mportanza massima li ngħarfu liema huwa l-ikel li jżid iċ-ċansijiet għal piż żejjed.
Bla dubju ta’ xejn ukoll, l-eżerċizzju fiżiku jgħin f’dan ir-rigward. Ix-xjenza turi li tlieta sa ħamest ijiem fil-ġimgħa, bejn 30 u 60 minuta ta’ eżerċizzju, għandu jkun jgħin ħafna biex jimminimizza r-riskju tal-obeżita. Ma dan, wieħed irid ukoll jadotta stil ta’ ħajja differenti fl-għażliet li jagħmel, fejn għandu jirregola d-dieta tiegħu, billi jikkonsma ikel li huwa tajjeb għas-saħħa. B’danakollu, wieħed jista’ jfittex ukoll l-għajnuna ta’ espert fil-qasam u anke jieħu parir ta’ tabib qabel jinbeda kwalunkwe tip ta’ rutina ta’ eżerċizzju ġdida.
Ma nistgħux ngħidu li l-Gvern mhux qed jgħin f’dan ir-rigward. Dan hekk kif fil-Budget tħabbar li l-Gvern qed jagħti sitt xhur sħubija b’xejn lil żgħażagħ li twieldu bejn l-2005 u l-2007. Il-ħsieb wara din il-miżura huwa li jiġi promoss stil ta’ ħajja aktar san kemm mill-aspett ta’ saħħa mentali kif ukoll b’kultura ta’ nutrizzjoni tajba.
Din hija parti mill-viżjoni tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni anki fis-settur edukattiv, li qed titwassal ’il quddiem permezz ta’ diversi miżuri. Fost dawn, proġett pilota li permezz tiegħu qed jiżdied il-ħin li l-istudenti jagħmlu f’attivitajiet fiżiċi. Dan il-proġett kien suċċess u bħalissa qed jipparteċipaw fih diversi kulleġġi differenti, b’aktar minn ħames mitt klassi, filwaqt li sa sentejn oħra jkun f’kull kulleġġ.
Quddiem dan kollu, inħarsu ‘l quddiem għall-implimentazzjoni ta’ dawn l-istrateġiji li l-għan ewlieni tagħhom se jkun dak li tkompli tiġi miġġielda l-problema tal-obeżità f’pajjiżna.



