Timijiet ta’ salvataġġ qed ifittxu b’mod iddisprat fl-ibħra Griegi wara li żewġ dgħajjes b’immigranti inqalbu tard nhar il-Ħamis filgħaxija. Mill-inqas 22 persuna mietu, b’għexieren oħra għadhom neqsin.
Resident tal-lokal qalu li raw dgħajsa titfarrak mal-blat u bosta persuni jixxabbtu biex jitilgħu mal-blat u jsalvaw mill-għarqa. Ix-xena kienet inkredibbli tant li ħafnba mir-residenti tal-post niżlu l-port biex jagħtu l-għajnuna tagħhom lil bosta li kienu fuq id-dgħġajsa.
Il-gwardja tal-kosta Griega qalet li 22 katavru ġew irkuprati qrib gżira fil-Lvant ta’ Lesbos wara li għereq dinghy li kien qed iġorr madwar 40 immigrant. Ħames immigranti ġew salvati, li tlieta minnhom instabu fuq blat ħdejn il-post fejn saret l-għarqa.
F’xeni drammatiċi li seħħew nhar il-Ħamis filgħaxija, ekwipaġġi tat-tifi tan-nar tefgħu ħbula biex dawk milquta jixxabbtu mal-irdum u jilħqu post iktar sigur filwaqt li għaddasa esperti ntbagħtu fiż-żona hekk kif it-tfittxija għal dawk nieqsa qed tkompli. Fil-ħin tal-għarqa, ir-riħ fiż-żona kien qed jonfoħ b’qilla ta’ 45 mil fis-siegħa.
Il-bieraħ inbeda it-tieni sforz ta’ salvataġġ mijiet ta’ mili l’bogħod lejn il-punent qrib il-gżira ta’ Kythira, fejn tard nhar l-Erbgħa għerqet ukoll dgħajsa li kienet qed iġorr madwar 100 persuna.
Uffiċjali qalu li 30 ġew salvati wara li d-dgħajsa li kienu fuqha tfarrket mal-blat barra mill-port tar-raħal ta’ Diakofti, fil-Lvant tal-gżira.
Uffiċjali lokali qalu li skola fiż-żona se tinbiudel biex tipprovdi kenn lill-persuni salvati.
Ħafna minn dawk li jaslu l-Greċja jivvjaġġaw mit-Turkija, iżda l-kuntrabandisti u t-traffikanti tal-persuni bidlu r-rotot f’dawn l-aħħar xhur fi sforz biex jevitaw rotot imħarsa madwar il-gżejjer Griegi qrib il-kosta Torka.
Kythira tinsab xi 250 mil fil-punent tat-Turkija u fuq rotta li spiss tintuża minn kuntrabandisti biex taqbeż il-Greċja u tmur direttament lejn l-Italja.
L-imwiet seħħew fost qagħda taħraq bejn il-Greċja u t-Turkija dwar is-sigurtà tal-migranti fuq il-baħar. Fil-fatt, Ateni akkużat lill-pajjiż ġar tagħha li naqas milli jwaqqaf l-attività tal-kuntrabandisti u t-traffikanti tal-bnedmin.