Il-qasam tas-saħħa qed ikompli jtejjeb is-servizzi tiegħu għall-poplu. Dawn is-servizzi mediċi jinsabu mexjin ’il quddiem permezz ta’ ħidma li qed issir f’dan is-settur tant kruċjali għas-saħħa tan-nies.
Ninnutaw kif matul l-2025, in-numru ta’ operazzjonijiet żdiedu sew u dan grazzi għall-investiment fil-kirurġija robotika u fis-sistema ta’ outsourcing mal-isptarijiet privati fost oħrajn.
Tant li l-interventi bħal dawk tal-hip u knee replacements żdiedu b’mod qawwi. L-interventi ta’ knee replacements biss żdiedu għal 890 meta mqabbla ma’ 390 fl-2024, filwaqt li l-interventi tal-endoskopija laħqu aktar minn 13,000, żieda ta’ kważi 2,400 fuq is-sena ta’ qabel.
Kif għedna aktar qabel, dawn l-avvanzi kollha setgħu jkunu possibbli grazzi għall-investiment mill-Gvern fis-settur tas-saħħa. Is-sena l-oħra, il-Gvern investa €14-il miljun f’sistema ta’ kollaborazzjoni bejn il-Gvern u s-settur privat li rriżultat fit-tnaqqas tal-istennija tal-pazjenti għal diversi tipi ta’ interventi.
Quddiem dan kollu nsemmu dak li tħabbar fil-jiem li għaddew mill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, li ħareġ it-tender tad-drones għal ġarr ta’ mediċini, liema investiment se jkun ta’ rivoluzzjoni fit-trattament tal-kanċer għall-Għawdxin.
Dan il-mezz ta’ trasport ħa jservi wkoll sabiex kampjuni tad-demm, fluwidi u tessuti jkunu jistgħu jitwasslu b’mod mgħaġġel li jirriżulta f’dijanjosi robusta li twassal għal-livell ta’ kura aħjar. Dan is-servizz se jsir b’investiment ta’ aktar minn miljun ewro fis-sentejn li ġejjin.
L-investiment bla preċedent f’dan is-settur huwa xhieda konkreta ta’ Gvern li jpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru tal-politika tiegħu. Huwa importanti għalhekk li nifhmu aktar l-importanza li nħarsu saħħitna kif fehem il-Gvern b’miżuri u inċentivi li qiegħed jagħmel biex iħares saħħet il-poplu. Is-saħħa għandha tingħata prijorità mhux biss mill-Gvern imma minn kull wieħed u waħda minna b’mod individwali għal futur kollettiv aħjar.

