Fl-aħħar xhur il-Marsa u l-madwar ta’ din il-lokalità kienu fiċ-ċentru tal-ħidma tal-Gvern, kif ukoll fil-pjanijiet futuri bħala parti integrali mill-iżvilupp soċjoekonomiku ta’ pajjiżna.
Xhieda ta’ dan huma x-xogħlijiet infrastrutturali f’numru ta’ toroq residenzjali mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi kif ukoll ir-riġenerazzjoni fil-qalba tal-Marsa u t-tħabbira tal-pjan tar-Riġenerazzjoni għall-Port il-Kbir immexxi mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC).
Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi kien protagonist biex ir-residenti Marsin fi Triq San Franġisk, fi Triq Nerik Sacco u fi Triq San Mikiel ikollhom infrastruttura aħjar u li tiżguralhom is-serħan il-moħħ.
Matul żjara li għamel is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia, wara li fil-jiem li għaddew tlestew ix-xogħlijiet estensivi fuq dawn it-tliet toroq residenzjali, seta’ jara d-differenza ħolistika li l-ħidma tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi wettqet għall-komunità tal-Marsa.
Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia sostna li dan l-investiment huwa parti mill-impenn kontinwu tal-Gvern biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti. “Dan il-proġett mhux biss dwar toroq u bankini ġodda, iżda dwar investiment dirett fin-nies tal-Marsa. Qegħdin naħdmu biex nibnu infrastruttura moderna, sigura u sostenibbli li twieġeb għall-ħtiġijiet tal-lum u ta’ għada, filwaqt li nkomplu nsaħħu l-komunitajiet tagħna u noħolqu ambjent aħjar fejn wieħed jgħix u jaħdem.”
Min-naħa tiegħu, is-Sindku tal-Marsa Luke Farrugia, stqarr kif “qatt daqs illum, il-Marsa u l-Marsin ma raw daqstant investiment dirett fil-lokalità, liema investiment jawgura tajjeb għall-futur tal-Marsa.”
B’investiment ta’ madwar €370,000, kienu mħaffra trinek ġodda biex jitpoġġew pajpijiet ġodda għad-distribuzzjoni tal-ilma tul it-tlett toroq, b’kull triq tkejjel 165 metru fit-tul, wiċċ ġdid ta’ asfalt għat-tliet toroq u bankini ġodda fuq iż-żewġ naħat tat-triq, inkluż bdil fil-konnessjonijiet kollha li jaqbdu mad-djar residenzjali.

