Erba’ players tal-Kamerun irriżultaw pożittivi għal Covid-19, bl-ospiti tat-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani se jibdew l-impenji tagħhom kontra Burkina Faso, qalet il-Federazzjoni tal-Football tal-pajjiż.
Timijiet oħra li qed jippreparaw għall-finali, li jibdew nhar il-Ħadd li ġej, 9 ta’ Jannar, ukoll irrappurtaw każijiet pożittivi, b’sebgħa oħra fl-iskwadra tal-gżira ta’ Cape Verde u wieħed tal-Marokk.
Dan iżid ma’ infezzjonijiet pożittivi rrappurtati nhar il-Ħamis mill-Alġerija u l-Ivory Coast, li wkoll intlaqtu ħażin minn sospensjoni possibbli għad-droga għall-goalkeeper tal-ewwel għażla tagħhom.
Sylvain Gbohouo, li jilgħab fl-Etjopja ma’ Wolkite City, ġie sospiż proviżorjament mill-FIFA wara li rriżulta pożittiv għat-trimetazidine, mediċina tal-qalb li l-Aġenzija Dinjija Kontra d-Doping tikklassifika bħala stimulant.
It-tħabbira saret mill-Federazzjoni Etjopjana tal-Football iżda mhux ikkonfermata mill-Ivorjani.
Intant, Eric Maxim Choupo Moting tal- Kamerun weġġa’ waqt it-taħriġ u qed jistenna biex jara jekk jistax jilgħab.
Il-player ta’ Bayern Munich, li mistenni jmexxi l-attakk għall-ospiti, sofra “uġigħ qawwi fl-irkoppa tal-lemin” u sarlu scan, skond il-Federazzjoni tal-Football tal-Kamerun.
Issa qed jistennew ir-riżultati, iżda qed jibżgħu li l-attakkant ta’ 32 sena jista’ jitlef it-tournament.
Il-Kamerun qalu wkoll li d-difensur ewlieni Michael Ngadeu Ngadjui, il-midfielder Pierre Kunde Malong, il-winger Christian Bassogog u l-goalkeeper reserva Jean Efala kollha rriżultaw pożittivi għall-coronavirus ġdid.
Cape Verde, li ilhom jippreparaw f’darhom għall-kompetizzjoni, kienu diġà ħassru partita ta’ ħbiberija kontra l-Marokk qabel ma rrappurtaw każijiet ġodda fil-kamp tagħhom tard il-ġimgħa l-oħra.
Stqarrija qalet li l-players infettati kienu ġew iżolati iżda ma kienu qed juru l-ebda sintomi, u li 15-il player biss setgħu jitħarrġu.
Id-difensur tal-Marokk, Badr Benoun, li daħal tard fl-iskwadra tagħhom, kellu jipposponi l-pjani biex jingħaqad ma’ sħabu fl-Emirati Għarab Magħquda wara li rritorna test pożittiv.
Il-ġimgħa l-oħra l-Alġerija qalu li l-attakkant Youcef Belaili u d-difensuri Mohamed Amine Tougai u Houcine Benyada kienu rriżultaw pożittivi fil-kamp tat-taħriġ tagħhom fil-Qatar.