Gruppi umanitarji qalu li matul tmiem il-ġimgħa li għadda, iktar minn 4,600 persuna ġew arrestati f’diversi bliet madwar ir-Russja minħabba protesti kontra l-gwerra ġewwa l-Ukrajna.
Min-naħa l-oħra kelliema għall-pulizija Russa qalu li nhar il-Ħadd li għadda 1,700 persuna ġew arrestati fil-kapitali Moska minħabba li madwar 2,500 persuna ħarġu jipprotestaw mingħajr il-permessi meħtieġa, filwaqt li 750 persuna oħra ġew arrestati waqt rally ta’ 1,500 persuna li sar fit-tieni l-ikbar belt Russja, Saint Petersburg.
Minkejja din l-istarrija, il-grupp OVD-Info – li josserva l-arrestati ta’ dimostranti tal-oppiżizzjoni – qiegħed jikkalkula li l-arresti seħħew f’65 belt differenti madwar ir-Russja u b’kollox ġew arrestati 4,644 persuna, ħafna iktar minn dak li qed tgħid ir-Russja.
Dan il-grupp qal li l-pulizija użaw forza eċċessiva fuq id-dimostranti, fosthom anke xokkijiet elettriċi. Filmati u ritratti li huma xerrdu fuq Telegram, kienu juru pulizija jsawtu lid-dimostranti bi bsaten u anke kien hemm persuni bid-demm ma’ wiċċhom. Memorial, li huwa wieħed mill-iktar gruppi promenti Russi li jitkellem favur id-drittijiet umani, qal li wieħed mill-attivisti l-iktar prominenti tagħhom ġie arrestat fil-pjazza Manezhnaya f’Moska talli kien qed iżomm kartellun. Svetlana Gannushkina, li għandha 80 sena u hija attivista veterana li qiegħda tissemma anke għall-Premju Nobel, ukoll ġiet arrestata ġewwa Moska.
Nhar il-ġimgħa li għaddiet il-Pulizija Russi kienu wissew li d-dimostrazzjonijiet illegali li se jsiru se jkunu mwaqqfa immedjatament u l-organizzaturi u l-parteċipanti se jiffaċċjaw akkużi.
B’dawn l-aħħar numri ta’ arresti it-total ta’ persuni li ġew arrestati mill-24 ta’ Frar ’il hawn – minn meta r-Russja invadiet lill-Ukrajna – issa tela’ għal madwar 10,000 persuna.