Saturday, November 23, 2024

Iktar minn 500 student igawdu minn klassijiet ta’ reviżjoni tas-SEC bla ħlas

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar sitt snin ibbenefikaw 4,000 student minn din l-inizjattiva


Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi żaru klassi ta’ reviżjoni tal-eżamijiet tas-SEC bħala parti mill-Youth Guarantee Project. Dan il-proġett, li hu ffinanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea għas-seba’ sena konsekuttiva, qed jara 521 student igawdi minn dawn il-lezzjonijiet b’xejn. B’kollox, 4,000 student ibbenefikaw minn din l-inizjattiva fl-aħħar sitt snin.


Il-Ministru Owen Bonnici saħaq li dawn il-klassijiet ta’ reviżjoni huma espressjoni ċara ta’ ġustizzja soċjali. Huwa semma wkoll li għall-ewwel darba din is-sena ddaħħlet l-għażla tat-tagħlim online sabiex wieħed dejjem ikompli jtejjeb is-servizz li jagħti. Il-Ministru Bonnici spjega kif: “Studenti ta’ etajiet bejn il-15 u l-24 sena li ser jagħmlu l-eżamijiet fis-suġġetti msemmijja, kemm f’paper A u kemm paper B kienu eliġibbli biex japplikaw għal dawn il-klassijiet. Dis-sena qed naraw 521 student jattendu għal dawn il-lezzjonijiet li issa waslu fi tmiemhom. Irrid ninkoraġġixxi lil dawk li ma ġabux il-grad mixtieq jew li ma marrux daqstant tajjeb sabiex ma jaqtgħux qalbhom u jkomplu mexjin ’il quddiem.”

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li permezz ta’ Youth Guarantee madwar 4,000 student attendew għal-lezzjonijiet b’xejn f’diversi suġġetti bħala preparament għall-eżamijiet ta’ Settembru. Hu qal li dan seta’ jseħħ b’ finanzjament mill-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020 li pprovda għall-kontinwazzjoni tal-Youth Guarantee, hekk kif ġew allokati miljun ewro oħra biex kulħadd ikun jista’ jipprogressa fl-ambizzjonijiet edukattivi tiegħu. Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq li l-ikbar riżorsa ta’ pajjiżna huwa r-riżors uman, u b’hekk għandna ninvestu kemm jista jkun biex insaħħuħ u b’hekk ikollna ekonomija aktar b’saħħitha. Is-Segretarju Parlamentari kkonkluda billi qal li fondi Ewropej qed iwasslu għal aktar investiment fir-riżors uman biex jinħolqu aktar opportunitajiet.


Dan il-proġett li huwa offrut minn Jobsplus permezz tal-iskema Youth Guarantee ESF.01.002 fejn jiġu offruti ħames ġimgħat ta’ reviżjoni bla ħlas fil-Matematika, Malti, Ingliż, Fiżika u Bijoloġija għal studenti li ser jagħmlu l-eżamijiet tas-SEC f’Settembru.


Għal din is-sena ġew offruti klassijiet ta’ reviżjoni kemm ta’ Paper B kif ukoll Paper A għall-istudenti.

Sport