Tuesday, May 14, 2024

Iktar minn 70 immigrant irregolari rilokati lejn pajjiżi oħra

Aqra wkoll

72 immigrant ta’ nazzjonalitajiet varji li waslu Malta b’mod irregolari, ġew rilokati lbieraħ. Ir-rilokazzjoni saret bħala parti mill-Mekkaniżmu ta’ Solidarjetà Volontarja, stabbilit f’Ġunju 2022 għal perjodu ta’ sena, maħsub sabiex jitnaqqas il-piż tal-immigrazzjoni irregolari minn fuq pajjiżi tal-fruntiera.

L-immigranti ħallew Malta permezz ta’ titjira lejn membri stati oħra tal-UE fejn ser ikunu jistgħu jkomplu bil-proċess marbut mat-talba tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri fakkar kif ir-rilokazzjoni hija l-iktar mezz effettiv kif pajjiżi oħra Ewropej u l-Unjoni Ewropea jistgħu jnaqqsu l-piż tal-immigrazzjoni irregolari minn fuq il-pajjiżi tal-fruntiera, speċjalment fil-każ ta’ Malta minħabba d-daqs u l-pożizzjoni ġeografika tagħha. Permezz tal-istrateġija tagħha ta’ prevenzjoni, ritorn u rilokazzjoni, fl-ewwel nofs tal-2023 Malta rnexxielha tnaqqas il-wasliet u tirritorna u tirriloka l-istess ammont ta’ immigranti daqskemm waslu mill-bidu tas-sena.

“Dan filwaqt li l-Gvern qed ikompli jaħdem bis-sħiħ fuq prevenzjoni, inkluż b’koperazzjoni mal-Libja, sabiex tnaqqas il-possibbiltà ta’ mwiet u sussegwentament wasslet għal tnaqqis konsiderevoli ta’ wasliet irregolari, u ritorn ta’ persuni li ma jkunux jeħtieġu protezzjoni f’Malta. Din il-ħidma qed tiġi riflessa fiċ-ċifri ta’ dawn l-ahhar sentejn fejn in-numri ta’ immigranti irregolari li ġew ritornati lejn pajjiżhom żdied filwaqt li n-numru ta’ wasliet naqas sostanzjalment,” temm jgħid il-Ministru Camilleri.

It-tħejjijiet għar-rilokazzjoni involvew l-assistenza ta’ bosta entitajiet fi ħdan il-Ministeru għall-Intern, Sigurtà, Riformi u l-Ugwaljanza, kif ukoll l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Migrazzjoni (IOM) u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA). Ir-rilokazzjoni hija kofinanzjata mill-Unjoni Ewropea, fosthom taħt il- Fond għall-Ażil, Migrazzjoni, u Integrazzjoni (AMIF).

Sport