Fl-aħħar sigħat instemgħu xi splużjonijiet fiċ-ċentru ta’ Kyiv fid-distrett ta’ Shevchenkivskyi. Għaldaqstant issejħu timijiet mediċi sabiex jagħtu l-ewwel għajnuna. Dan iddikjarah is-Sindku tal-kapitali Ukrena, Vitali Klitschko.
Uħud mill-ġurnalisti tal-midja Ingliża BBC li kienu jinsabu fil-viċinanzi ddikjaraw li semgħu splużjonijiet qawwija ftit wara li nstemgħet sirena li ħabbret air raid. Ir-Russja f’dawn l-aħħar xahrejn kellha fil-mira l-infrastruttura tal-enerġija Ukrena tant li minn Ottubru ‘l hawn attakkat lil dan il-pajjiż bil-missili u d-drones.
Klitschko ddikjara li iktar kmieni llum id-difiża tal-ajru għelbet 10 drones.
Apparentament, skont l-amministrazzjoni Ukrena, jidher li xi frammenti ta’ waħda mid-drones laqtu żewġ binjiet amministrattivi fiċ-ċentru ta’ Kyiv. S’issa għadu mhux ikkonfermat jekk kienx hemm xi persuni li ndarbu jew mietu f’dan l-inċident.