‘In-Nutrizzjoni fl-iSport’ – suġġett ferm importanti, u rigward dan tkellimna man-nutrizzjonista tal-isport ewlenija f’pajjiżna, Shylene Taliana, fejn tatna iktar dettalji:
“L-ikel u l-ġid li jagħmel għal saħħitna, minn dejjem kien suġġett għal qalbi ħafna. Għalkemm l-ewwel kwalifika u liċenzja tiegħi fid-dipartiment tas-saħħa kienet dik ta’ terapista, dejjem xtaqt li nerġa’ nibda nistudja biex insir ‘Health Registered Nutritionist’. U dan irnexxieli nagħmlu fl-2011 wara erba’ snin naħdem ġewwa l-isptar generali.
Nemmen li saħħitna tiddependi ħafna minn dak li nieklu u nipprova li dejjem nipprattika u ngħix dak li nippriedka lil ħaddiehor. L-ikel huwa terapija għal ġisimna u għaldaqstant li nippreparaw ikel bnin għalina u għall-familja tagħna hija parti essenzjali sabiex inħarsu s-saħħa tagħna. Ikun ferm aħjar meta dieta tajba tikkumplimenta eżercizzju fiżiku regolari.
L-isport minn dejjem kien għal qalbi, speċjalment il-futbol, għalkemm meta kont iżgħar, l-isport li kont nipprattika fuq livell kompetittiv, kien dak tal-arti marzjali. Wara xi snin naħdem bħala Nutritionist ġewwa ‘Dar Kenn għal Saħħtek’, kien avviċinani kowċ tal-futbol, li xtaq li nagħmel sessjoni edukattiva lill-futbolers tat-tim. U minn dik il-ġurnata ‘l hemm qatt ma waqaft. Għażilt li nkompli nistudja u nispeċjalizza fin-Nutrtizzjoni tal-iSport, kif ukoll nagħti servizz f’diversi postijiet sportivi. Ħdimt ma’ diversi klabbs sportivi, nagħti servizz anke ġewwa l-MFA u anke ma’ atleti li jirrapreżentaw lil Malta f’diversi Sport. Illum il-ġurnata kburija li jien Nutrizzjonista ġewwa l-iSkola Nazzjonali tal-iSport (NSS), fejn insegwi u ngħallem madwar 250 student fis-sena. Kien pjaċir tiegħi li bil-kollaborazzjoni tal-amministrazzjoni tal-iskola, kif ukoll xi kollegi tiegħi irnexxieli nikteb ktieb dwar in-nutrizzjoni tal-isport u flimkien nipproduċuh għall-iskola u atleti li jkunu interessati fis-suġġett.
Bejn ix-xogħol tiegħi ma’ atleti f’saħħithom, u l-ħajja tiegħi personali hemm kuntrast kbir. Huma żewġ ħajjiet paralleli li ngħix kulljum. Filwaqt li matul il-ħin tax-xogħol ngħin tfal u żgħażagħ li jarmu s-saħħa, x’ħin nasal id-dar ir-rwol tiegħi jinbidel. Jien omm ta’ żewġ tewmin żgħar u wieħed mit-tfal tiegħi juża siġġu tar-roti. Filwaqt li f’xogħoli ngħin tfal oħrajn biex jieklu ikel li jgħinhom iżidu l-enerġija u jiġru iżjed, x’ħin nasal id-dar inqatta’ l-kumplament tal-ġurnata minn terapija għal oħra, biex ngħin lil ibni sabiex xi darba forsi jirnexxielu jagħmel pass fuq siequ. Għalija kull ċaqliqa li jagħmel tgħodd daqs l-akbar rebħa. Din l-esperjenza li ngħaddi minnha kulljum tgħallimni napprezza iżjed is-saħħa u għaldaqstant ma niddejjaq xejn ngħaddi t-tagħlima lill-oħrajn sabiex japprezzaw iżjed ir-rigal li tkun f’saħħtek.
In-Nutrizzjoni tal-iSport huwa suġġett intensiv u dettaljat ħafna. Atleti li jagħżlu li jsegwu dieta speċjalizzata għall-isport partikolari tagħhom iħaddnu dixxiplina li ta’ min jammiraha. Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalija li nsegwi atleti żgħar u ngħinhom jieklu għall-aħjar żvilupp u prestazzjoni fl-isport tagħhom, u huwa ta’ sodisfazzjon akbar li nara lil dawn l-atleti jikbru u jkollhom suċċess fil-karriera tagħhom anke fuq livell internazzjonali.