Tuesday, December 10, 2024

Il‑President ta’ Malta ppreżentata munita li tfakkar il‑50 Anniversarju ta’ Malta Repubblika

Aqra wkoll

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta nieda edizzjoni limitata ta’ munita tad-deheb sabiex jikkommemora l‑50 Anniversarju minn meta Malta saret Repubblika.

L-Aġent Gvernatur is-Sur Alexander Demarco ppreżenta din il-munita esklussiva lill-Eċċellenza Tagħha l-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono f’ċerimonja li saret fil-Bank Ċentrali ta’ Malta.

Fuq in‑naħa ta’ wara tal‑munita nsibu rappreżentazzjoni tal-lapida kommemorattiva li tiċċelebra l-proklamazzjoni ta’ Malta bħala repubblika fit‑13 ta’ Diċembru 1974. Id-disinn kumpless tal-lapida jfakkar il-plakka kommemorattiva tar-Repubblika ta’ Malta u jirrappreżenta mument storiku hekk kif esibit fuq il-faċċata tal-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta. Dan ir-rikonoxximent artistiku jaċċenna l-wirt dejjiemi tal-mixja ta’ Malta bħala repubblika u n-narrattiva storika sinjura tagħha.

Il-munita tad-deheb tiżen 31.10g u b’dijametru ta’ 33mm. Għandha valur nominali ta’ €100 u hija maħduma f’0.999 deheb fil-verżjoni proof. Il-munita ġiet iddisinjata u mnaqqxa minn Noel Galea Bason. Il-verżjoni tad-deheb hija limitata għal 65 munita li nħadmu fir-Royal Dutch Mint tan-Netherlands.

Il‑Bank ħareġ ukoll il‑verżjoni tal‑fidda tal-munita li tiżen 28.28g u b’dijametru ta’ 38.61mm. Għandha valur nominali ta’ €10 u hija maħduma f’0.925 fidda u f’verżjoni proof. Il-verżjoni tal-fidda hija limitata għal 1000 munita li nħadmu wkoll fir-Royal Dutch Mint tan-Netherlands.

Waqt id-diskors tagħha, l-E.T. qalet li l-istorja tal-Bank Ċentrali ta’ Malta hija intrinsikament relatata mal-istorja u l-iżvilupp tal-gżira, filwaqt li l-Aġent Gvernatur is-Sur Alexander Demarco enfasizza l-fatt li l-munita kommemorattiva tagħti ġieħ lill-mixja storika u l-evoluzzjoni ta’ Malta għal repubblika moderna. Din il‑munita tissimbolizza l‑kisbiet tal‑poplu Malti matul dawn l‑aħħar ħamsin sena.

Ekonomija

Sport