Thursday, December 26, 2024

Il-21 ta’ Lulju kien l-aktar jum sħun li qatt ġie rreġistrat globalment

Aqra wkoll

Skont data preliminari mis-Servizz tal-Unjoni Ewropea Copernicus għat-Tibdil fil-Klima (C3S), il-Ħadd 21 ta’ Lulju kien l-aktar jum sħun li qatt ġie rreġistrat globalment. 

Intqal kif it-temperatura medja tal-wiċċ ta’ 17.09 gradi Celsius l-Ħadd kienet l-aktar waħda sħuna skont ir-rekords tagħhom, li jmorru lura għall-1940. “Id-dinja għadha kif esperjenzat l-aktar jum sħun tagħha,” ingħad fi stqarrija. 

Dan il-livell ġdid kien biss 0.01°C ogħla mit-temperatura rekord preċedenti ta’ 17.08 gradi celsius li kienet irreġistrata fis-6 ta’ Lulju 2023. 

Id-Direttur ta’ C3S Carlo Buontempo qal li l-Ħadd li għadda rreġistraw rekord ġdid f’dik li hija temperatura medja globali ta’ kuljum. “Issa ninsabu f’territorju tassew mhux magħruf u jekk il-klima tkompli tisħon, nistgħu saħansitra naraw dawn il-livelli jinqabżu fix-xhur u s-snin li ġejjin.”

Fl-aħħar jiem ġew irreġistrati temperaturi rekord fin-Nofsinhar u l-Lvant tal-Ewropa. Il-Greċja, li rreġistrat l-ewwel mewġa ta’ sħana għal dan is-sajf, kellha temperaturi ta’ madwar 40°C. L-iljieli fil-kapitali Ateni laħħqu t-30 grad Celsius. 

Fil-Kroazja u s-Serbja kien ikkunsmat ammont rekord ta’ elettriku hekk kif ir-residenti xegħlu l-arja kundizzjonata minħabba s-sħana qawwija li kienet qiegħda taħkem f’dawn il-pajjiżi. 

Ekonomija

Sport