Monday, April 6, 2026

Il-25 edizzjoni tal-Malta International Fireworks Festival tibda fin-Nadur, Għawdex

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar li l-25 edizzjoni tal-Malta International Fireworks Festival se tibda fin-Nadur nhar is-Sibt, 18 ta’ April 2026. Din l-edizzjoni speċjali tal-2026, bit-tema “The Luminous Legacy” tinkludi numru rekord ta’ timijiet u wirjiet elaborati mifruxa madwar il-Gżejjer Maltin.

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri stqarr li, “Huwa ta’ sodisfazzjon għalina li Għawdex, u b’mod partikolari n-Nadur, qed jospita l-ftuħ ta’ din l-edizzjoni speċjali tal-Malta International Fireworks Festival. Dan l-avveniment mhux biss juri t-tradizzjoni u l-ħila straordinarja tagħna fil-logħob tan-nar, iżda jkompli jsaħħaħ lil Għawdex bħala destinazzjoni kulturali u turistika ta’ kwalità. Fuq kollox dak hu wieħed mill-għanijiet tagħna fl-istrateġija għal Għawdex u l-Viżjoni Malta 2050. Dan il-festival huwa xhieda tal-wirt li bnejna tul is-snin u tal-impenn tagħna li nkomplu ninvestu f’attivitajiet li jattiraw kemm lill-Maltin kif ukoll lill-viżitaturi.”

Il-festival li se jittella’ fit-18, l-20 u l-25 u jispiċċa fit-30 ta’ April 2026, bil-grand finale fil-Belt Valletta jirrappreżenta ċelebrazzjoni unika tal-wirt kulturali Malti, fejn il-logħob tan-nar jingħaqad mal-arti, il-preċiżjoni u l-innovazzjoni. Kull lejl joffri spettaklu mill-isbaħ ta’ kuluri u disinji fis-sema, li jilħaq il-qofol tiegħu b’finali spettakolari.

B’mod partikolari, il-kompetizzjoni Pyro-Musical tibqa’ waħda mill-punti ewlenin tal-festival, fejn il-logħob tan-nar ikun sinkronizzat b’mod artistiku ma’ mużika magħżula, u li tippremja l-aqwa wirjiet. Din il-kompetizzjoni turi l-livell għoli ta’ ħila teknika u kreattiva tal-fabbriki Maltin u tkompli ssaħħaħ ir-reputazzjoni internazzjonali ta’ Malta f’dan il-qasam.

Din is-sena, madwar 40 fabbrika tan-nar u għaqdiet affiljati, inklużi tmien kompetituri fil-kategorija Pyro-Musical, se jieħdu sehem f’dan l-avveniment, b’wirjiet li se jdawlu s-smewwiet tan-Nadur u l-Belt Valletta.

Il-Malta International Fireworks Festival huwa organizzat mill-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, f’kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

Artiklu preċedenti
Artiklu li jmiss

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport