Monday, December 22, 2025

Il-25 Edizzjoni tal-MAPFRE Euromed International Regatta u t-3 Europa Cup għall-ILCA jiġu fi tmiemhom fil-Bajja tal-Mellieħa

Aqra wkoll

Il-MAPFRE Euromed International Regatta, flimkien mat-tielet edizzjoni tal-Europa Cup għall-Klassi ILCA, intemmet il-Ħadd wara sensiela ta’ tiġrijiet kompetittivi li ttellgħu mill-Malta Young Sailors Club fil-Bajja tal-Mellieħa bejn it-18 u l-21 ta’ Diċembru.

Issa fil-25 edizzjoni tagħha, din ir-regatta annwali qed tkompli tikber fl-importanza u fl-attrazzjoni internazzjonali tagħha. L-edizzjoni ta’ din is-sena ġibdet baħħara minn 39 pajjiż, b’parteċipanti li vvjaġġaw minn postijiet  bħas-Singapore, l-Awstralja u l-Arġentina, kif ukoll kontingent b’saħħtu minn pajjiżi Ewropej. Il-flotta kienet tinkludi wkoll numru ta’ baħħara ta’ profil għoli b’esperjenza f’kompetizzjonijiet tal-livell l-aktar għoli, fosthom il-Kampjonati Dinjija tal-Optimist. Dan kompla jsaħħaħ il-pożizzjoni tar-regatta fuq il-kalendarju internazzjonali taż-żgħażagħ fil-qlugħ.

L-interess lokali kien kbir bl-istess mod, b’kull klabb Malti rappreżentat. Il-baħħara Maltin taw wirjiet sodi fil-flotot kollha, u żammew pożizzjoni kompetittiva kontra qasam internazzjonali ta livell għoli.

Il-kundizzjonijiet tat-temp fl-aħħar jum kienu diffiċli, b’xita qliel u riħ dgħajjef ħafna li ma ppermettewx li jsiru tlielaq il-Ħadd. Madankollu, it-tiġrijiet li tlestew fil-jiem ta’ qabel ipprovdew riżultati biżżejjed biex ir-regatta titqies bħala waħda konkluża. Saru xi aġġustamenti minuri għall-klassifiki proviżorji tas-Sibt wara li ġew solvuti numru ta’ protesti u dan wassal għal xi tibdil fir-riżultati finali.

Fil-Klassi Optimist, Mihael Zobec mis-Slovenja kiseb ir-rebħa ġenerali. Zobec fetaħ vantaġġ ċar fuq Andrea Demurtas tal-Italja. Iż-żewġ baħħara kienu kkunsidrati favoriti u taw wirjiet konsistenti tul ir-regatta kollha. Il-Malti Nathan Montebello temm fuq it-tielet post wara avvanz tajjeb fil-klassifika, fejn għeleb parteċipanti ta’ livell għoli bħall Margeaux Nguyen Minh (HKG) u Carl Bigersson (DEN).

Il-Klassi Optimist Beginners rat lil Lea Salikova mill-Isvizzera tirbaħ wara li telgħet b’mod kostanti fil-klassifika. Hija spiċċat quddiem il-Malti Thomas Zapucioiu, filwaqt li Aidan Saliba kiseb it-tielet post. Saliba għeleb b’differenza minima lil Liam John Gaskell li wera konsistenza tajba tul ir-Regatta.

Fil-Klassi ILCA 4, il-klassifiki finali baqgħu l-istess, b’Tiago Cheng De Villemor Salgado (HKG) jirbaħ ġenerali b’distakk komdu. Timothy De Cesare, tal-Club ospitanti,  spiċċa fit-tieni post, punt wieħed biss quddiem Oleksandr Bolsunovskyi (CYP) li spiċċa fit-tielet post. Il-Maltija Emily Fenech spiċċat fir-raba’ post overall u rebħet il-klassifika tan-nisa, segwita minn Mila Krum (LTU) u Zixi Huang (HKG).

Anke fil-Klassi ILCA 6 ma kien hemm l-ebda tibdil fil-podju. Carys Attwell (GBR) żammet il-vantaġġ tagħha biex tirbaħ quddiem Pietro Colazzo (ITA), bil-Malti Timmy Vassallo jassigura t-tielet post. Il-podju tan-nisa ġie komplut minn Thyra Westbom (SWE), Elspeth Simms (CAN) u Hanne Jansch (GER).

Fil-flotta ILCA 7, il-baħħar ibbażat f’Malta Tomek Vaccaro (MDA) offra waħda mill-aktar wirjiet impressjonanti tar-regatta, meta tela’ għall-ewwel post is-Sibt wara li qabeż lill- Fiachra McDonnell (IRL) li kien ilu fuq quddiem mill-bidu tar-Regatta.  Jeremy Moutout (MON) żamm it-tielet post overall,  filwaqt li Matthew Flores spiċċa fis-sitt post u kien l-ewwel Malti kklassifikat fil-flotta.

F’kumment dwar l-avveniment, il-Commodore tal-Malta Young Sailors Club, Christian Bajada, qal li r-regatta għal darb’oħra laħqet ir-reputazzjoni tagħha fuq il-kalendarju internazzjonali tal-ibburdjar.

“Din kienet edizzjoni oħra ta’ suċċess kbir tal-MAPFRE Euromed International Regatta. Il-livell ta’ kompetizzjoni qed ikompli jogħla minn sena għal oħra, b’taħlita wiesgħa ta’ baħħara internazzjonali u ta’ profil għoli jieħdu sehem. Din hija opportunità kbira għal Malta, u b’mod partikolari għall-baħħara tagħna, fejn jistgħu jikkompetu f’darhom kontra wħud mill-aħjar talenti żgħażagħ fid-dinja. Nixtieq nirringrazzja lill-voluntiera, lill-uffiċjali tat-tiġrijiet u lill-isponsors. L-impenn u l-appoġġ tagħhom huma essenzjali biex din ir-regatta tkun ta’suċċess.”

Il-25 MAPFRE Euromed International Regatta kienet appoġġjata minn MAPFRE u VisitMalta, b’S&D Yachts / Rooster, F. Busuttil & Sons Marketing, u Victor Azzopardi Jewellers — l-Official Timekeeper tal-avveniment — ukoll jappoġġjaw ir-regatta.

Appoġġ ieħor ingħata mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, il-Malta Sailing Federation, SportMalta u Yachting Malta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport