“Kienet ġrajja li seħħet f’temp ta’ ftit sekondi. Splużjoni li biddlet il-ħajja ta’ ġenerazzjonijiet ta’ familji.” Dan stqarru s-Segretarju tat-Taqsima Metall u Kostruzzjoni tal-GWU Jesmond Marshall waqt li fakkar il-31 sena mit-traġedja li seħħet fuq il-bastiment Libjan Um El Faroud.
Din it-traġedja baqgħet imwaħħla fl-imħuħ tal-Maltin tant li l-Um El Faroud ġie mgħerreq ftit ’il barra minn Wied iż-Żurrieq biex jibqa’ tifkira ta’ din il-ġrajja mal-għaddasa li jżuru dak is-sit.
Kien nhar it-3 ta’ Frar tal-1995, meta seħħet splużjoni qawwija fuq it-tanker Libjan waqt li dan kien aktar qabel iddaħħal fil-Baċir Numru 3 għat-tiswijiet.
F’dan l-inċident kienu tilfu ħajjithom disa’ ħaddiema tat-Tarzna u l-memorja tagħhom għadha tiġi mfakkra sal-lum permezz ta’ ċerimonja li ssir biswit il-monument li jinsab fid-daħla tat-Tarzna ta’ Bormla.
Is-Segretarju Marshall, li kien preżenti mal-uffiċjali tal-GWU fit-tfakkira ta’ din il-ġrajja li saret il-Ħadd li għadda, stqarr li din kienet okkażjoni li nfakkru ta’ kull sena li għaliha jattendu wkoll familjari tal-vittmi. Huwa tenna li din il-ġrajja, li ilha tiġi mfakkra snin twal, għandha tkompli tiġi mfakkra fis-snin li ġejjin.

