Saturday, December 28, 2024

Il-5 persuni akkużati li aggredew 2 pulizija fil-Ħamrun jingħataw il-ħelsien mill-arrest

Aqra wkoll

L-4 irġiel u mara li huma akkużati li fil-21 ta’ Settembru li għadda aggredew 2 uffiċjali tal-Pulizija fil-Ħamrun ingħataw il-ħelsien mill-arrest mill-Maġistrat Monica Vella fuq diversi kundizzjonijiet.

Fost l-oħrajn huma qegħdin ikunu akkużati li dakinhar tal-każ ikkaġunaw ġrieħi gravi lil wieħed mill-kuntistabbli filwaqt li t-tieni uffiċjali sofra ġrieħi ħfief. Akkuża oħra hi li żammew lill-istess żewġ uffiċjali tal-pulizija mill-jaqdu dmrihom.

L-akkużati huma Christian Mansueto ta’ 33 sena mis-Siġġiewi, Kurt Borg ta’ 44 sena minn Ħal Qormi, Redeimen Aquilina ta’ 23 sena mill-Ħamrun, Elton Borg ta’ 46 sena minn San Ġiljan u martu, Erica Borg ta’ 42 sena. Huma qegħdin iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi.

L-akkużati ngħataw il-ħelsien mill-arrest fuq għadd ta’ kundizzjonijiet fosthom li jiffirmaw l-għassa u jħallsu depożitu u garanzija personali.

L-aħwa Elton Borg u Kurt Borg ġew ordnati jħallsu depożitu €7,500 u garanzija personali ta’ €15,000.

Redeimen Aquilina ġie ordnat iħallas depożitu ta’ €3,000 u €5,000 garanzija personali.

Christian Mansueto ġie ordnat iħallas depożitu ta’ €3,000 u €5,000 garanzija personali.

Filwaqt li Erica Borg ġiet ordnata tħallas depożitu ta’ €5,000 u €8,000 garanzija personali.

Għall-akkużati qed jidhru l-avukati Franco Debono, Arthur Azzopardi, Jacob Magri, Charles Mercieca, Mario Mifsud, Nicholas Mifsud, Alex Scerri Herrera u Matthew Xuereb filwaqt li għaż-żewg kuntistabbli qed jidher l-Avukat Herman Mula.

Ekonomija

Sport