Friday, July 11, 2025

Il-65 Edizzjoni tat-Tellieqa Offshore bejn Malta u Sirakuża tibda is-Sibt filgħodu

Aqra wkoll

L-aktar tellieqa antika fil-Mediterran, it-tellieqa bejn Malta–Sirakuża, se ssir is-Sibt li ġej. Imnedija fl-1952 mill-Kaptan Illingworth tar-Royal British Navy, din it-tellieqa storika tkopri rotta ta’ 84 mil bejn l-ibħra Taljani u dawk Maltin.

Ospitata mir-Royal Malta Yacht Club u l-Lega Navale Italiana (Sezzjoni ta’ Sirakuża), it-tellieqa din is-sena ser tibda minn Sirakuża, fl-10:30 tas-Sibt filgħodu b’rotta lejn il-Port ta’Marsamxett. Il-korsa tat-tellieqa tgħaddi minn wieħed mill-aktar tratti imprevedibbli u affaxxinanti tal-Baħar Mediterran, fejn il-kundizzjonijiet tat-temp jinbidlu spiss. Dan joffri tellieqa mimlija sfidi tekniċi u mimlija sorpriżi għall-ekwipaġġi.

Ir-Royal Malta Yacht Club se jkun rappreżentat b’saħħtu, b’numru ta’ dgħajjes li diġà ħadu sehem diversi drabi f’din it-tellieqa. Fosthom insibu lil Alecto (Charles Cronin), Calypso 3.0 (Seb Ripard), Dimm (Kevin Pisani Zammit), Inspiration (Godwin Zammit) u Ton Ton Laferla Insurance (Jonathan Gambin).

Barra minn hekk, Safran Rouge ta’ Oliviero Emaldi, membru tar-Royal Malta Yacht Club, ser tkun qed tikkompeti bħala membru ta’klabb Sqalli, iżda b’diversi membri tal-ekwipaġġ Maltin abbord – dan jenfasizza r-rabta b’saħħitha bejn iż-żewġ komunitajiet tal-ibburdjar.

Ta’ min jgħid li il-parteċipanti Maltin huma veterani tat-tellieqa – fosthom Godwin Zammit ħa sehem f’madwar 17-il edizzjoni, inkluż 10 fuq id-dgħajsa tiegħu attwali, Inspiration. Numru ta’timijiet Maltin gawdew suċċess sinifikanti fis-snin riċenti: Calypso rebħet il-Klassi ORC fl-2023, filwaqt li Ton Ton Laferla Insurance kisbet it-tieni post fil-Klassi IRC fl-2021.

It-Tellieqa Malta–Sirakuża tiċċelebra mhux biss l-eċċellenza teknika iżda wkoll l-ispirtu u t-tradizzjoni tal-ibburdjar. Dan ser jiġi rikonoxxut nhar il-Ħadd li ġej ġewwa r-Royal Malta Yacht Club fejn ser issir iċ-ċerimonja tal-premjazzjoni.

Dawk li jsegwu d-dinja tal-ibburdjar jistgħu jsegwu l-azzjoni f’ħin reali permezz tal-funzjoni Race Tracking fuq is-sit elettroniku tar-Royal Malta Yacht Club , li se tkun qed tixxandar aġġornamenti diretti-  https://rmyc.org/races/2025-65th-malta-syracuse-race/

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport