Il-Baċir Numru 1, spazju pittoresk u ikona għal-lokalità ta’ Bormla u l-Bormliżi, se jkompli jitgawda fit-totalità tiegħu b’sistema ta’ dawl ġdida, b’ħidma mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.
Waqt inawgurazzjoni uffiċjali tas-sistema ġdida tad-dawl, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia qal li dan il-proġett jikkumplimenta l-bżonn li jiġu rinovati żoni storikament sinifikanti, filwaqt li jiġu offruti esperjenzi moderni u siguri għar-residenti u l-viżitaturi.
Is-sistema ġdida tad-dawl, li tinkludi dwal LED effiċjenti fl-enerġija u sistemi ta’ kontroll avvanzati, mhux biss tagħti dehra mill-isbaħ lill-Baċir Numru 1 bil-lejl, iżda wkoll tnaqqas il-konsum tal-enerġija u tikkontribwixxi għall-miri tal-pajjiż lejn sostenibbiltà akbar.
“B’dan il-proġett, qegħdin nagħtu ħajja ġdida lil wieħed mill-aktar monumenti industrijali u marittimi importanti ta’ pajjiżna. Dan il-proġett huwa eżempju ċar ta’ kif nistgħu napprezzaw u nipproteġu l-istorja tagħna waqt li naddattaw għaż-żminijiet moderni,” qal is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia.
Il-Baċir Numru 1, magħruf għall-arkitettura industrijali tiegħu u għall-pożizzjoni spettakolari fuq il-port ta’ Bormla, huwa attrazzjoni għall-viżitaturi lokali u barranin. L-installazzjoni tas-sistema ġdida tad-dawl se ttejjeb mhux biss il-viżibilità u s-sigurtà tal-post, iżda wkoll l-esperjenza ġenerali għal min iżur iż-żona, speċjalment matul il-lejl.
“Dan huwa proġett li mhux biss iġib ġieħ lill-istorja tagħna iżda wkoll jiżgura li żoni bħal dawn isiru spazji ħajjin u vibranti għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u tal-futur,” ikkonkluda s-segretarju parlamentari.
B’dan l-investiment, il-Baċir Numru 1 issa qiegħed jixgħel bħala simbolu tal-konnessjoni bejn l-istorja rikka tal-Kottonera u l-viżjoni moderna tal-pajjiż għall-iżvilupp urban sostenibbli.