Huwa fatt li ma jistax jiġi nnegat illi l-Gvern qed jieħu bosta mizuri biex jindirizza l-problema tal-konġestjoni fit-toroq. Jidher li hemm impenn li jkomplu jigu inċentivati mezzi alternattivi ta’ trasport biex titnaqqas kemm jista’ jkun mhux biss il-problema tat-traffiku imma wkoll biex tiżdied is-sigurtà fit-toroq tagħna.
Permezz ta’ aktar ħidma mill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, dan l-aħħar rajna jiżdiedu l-miżuri f’dan ir-rigward flimkien ma’ tisħiħ ta’ miżuri oħra eżistenti, kemm fuq l-art kif ukoll permezz tal-baħar.
Biex insemmu ftit minnhom hemm it-titjib fis-servizz tal-karozzi tal-linja, aktar faċilitajiet ta’ park and ride, proġetti infrastrutturali li jgħinu biex it-traffiku jimxi aħjar u anke l-investiment li qed isir bis-servizz tal-ferry.
Dawn kollha huma inizjattivi importanti. Nafu fiż-żgur li ebda gvern mhu se jsolvi l-problema ta-traffiku mil-lejl għan-nhar u għalhekk xorta waħda jibqa’ l-fatt li jeħtieġ ikun hemm bidla fil-mentalità tan-nies biex jagħrfu l-ħtieġa li jagħmlu aktar użu mill-mezzi pubbliċi provduti għat-trasport.
Naturalment għal ħafna minna din insibuha diffiċli. Imma nemmnu li kull sforz li nistgħu nagħmlu f’din id-direzzjoni tista’ tikkontribwixxi biex jonqos it-traffiku fit-toroq tagħna u għaldaqstant jonqsu wkoll l-emissjonijiet ta’ dħaħen fl-arja. Dan ifisser li jekk nagħmlu hekk inkunu qed nimmitigaw il-problemi tat-traffiku u nkunu wkoll qed nibżgħu għal saħħitna fl-istess ħin.
Ir-riżultati li qed jinkisbu sa issa f’dan il-qasam huma inkoraġġanti imma xorta waħda nibqgħu nsotnu li għad ħafna fadal xi jsir biex inkunu aktar kuntenti. Għalhekk nilqgħu l-aħbar li għall-ewwel darba minn meta beda jaħdem il-fast ferry bejn il-Belt Valletta u l-Imġarr Għawdex, aktar minn miljun passiġġier użaw dan is-servizz f’sena waħda biss.
Dawn in-numri jikkonfermaw il-bżonn ta’ dan il-mezz ta’ trasport li jsaħħaħ il-konnettività, bħalma kienet għaqlija d-deċiżjoni li jitnieda servizz bil-baħar lejn Għawdex minn Tas-Sliema u Buġibba.
Ma’ dan nistgħu nżidu wkoll is-suċċess li qed jikseb is-servizz tat-trasport bil-baħar bejn il-Belt Valletta u l-Kottonera li qed jaqdi lil dawk il-ħaddiema li x-xogħol tagħhom huwa fil-Kapitali ta’ pajjiżna. B’dawn l-investimenti kollha f’servizzi oħra ta’ trasport, bħalma huwa s-servizz ta’ vetturi ċirkolari u aktar park and rides, is-servizz tal-ferries qed jiġu integrati f’sistema ta’ mezzi ta’ trasport differenti.


