Kif jgħid il-Malti, il-baħar żaqqu ratba u rasu iebsa. Esperjenzajna sew kemm dan hu minnu matul it-tieni parti tax-xahar li għadda! Il-maltempata Harry ħalliet ħerba warajha, b’diversi ħsarat kemm f’residenzi, negozji u anke fl-infrastruttura pubblika. Jien u nispjega lill-kollegi barranin l-impatt, kont qed ngħidilhom kif għal grazzja t’Alla ma miet u weġġa’ ħadd. Iżda dan il-fatt dlonk inbidel, hekk kif wara li għaddew l-agħar twissijiet u ġranet tal-maltempata Harry, pajjiżna qam maħsud bl-aħbar kerha li mewġa kaxkret lit-tfajla Pollaka fil-bidu tal-ġimgħa li għaddiet. Mewta traġika li nitkexkex naħseb dwarha, aħseb u ara l-impatt fuq l-familja tagħha li ġew btala f’Malta propju għax it-tfajla xtaqet tara l-baħar!
B’tislima lill-memorja tat-tfajla Oliwia, nimxi għas-suġġett ta’ llum li wkoll jirrelatata mal-baħar. Il-konnettività u l-infrastruttura marittima, li jridu jkunu akkumpanjati b’ippjanar bil-quddiem. Ippjanar għal kull eventwalita’ li tista’ tinqala’, inkluż f’każ ta’ maltemp estrem u fejn jidħol it-tibdil tal-klima. Xtaqt naqsam ftit ħsibijiet fuq is-suġġett, b’enfasi fuq Għawdex. Ħsibijiet li kien beħsiebni nesprihom waqt programm televiżiv mill-gżira Għawdxija li trattata sew is-suġġett tal-konnettivita’ iżda li ma stajtx nattendi għalih hekk kif inqbadt Malta f’ġurnata li fiha l-vapur ma ħadimx waqt il-maltempata Harry. Dan l-episodju ġagħlni nirrifletti aktar dwar il-konnettivita’ ta’ gżiritna u x’jista’ jsir aktar.
Fl-aħħar snin l-introduzzjoni tal-fast ferry għenet mhux ftit. Għenet mhux biss lill-Għawdxin bħali li naqsmu ta’ sikwit bejn il-gżejjer għal skopijiet ta’ xogħol, studju, appuntamenti jew biex inkunu d-dar mal-familja. Għenet ukoll għat-turiżmu, kemm dak lokali u anke barrani. Intant, l-ammonti ta’ passiġġiera li qed jirċievi l-Port tal-Imġarr qed ikompli jiżdied matul is-snin. Hekk per eżempju, fl-2023 il-vapuri tal-‘fast ferry’ flimkien mal-vapuri tal-Gozo Channel ġarrew ’il fuq minn 6,500,000 passiġġier kollettivament. Dan ifisser li matul l-2023 il-volum ta’ passiġġiera li rċieva l-Port tal-Imġarr meta komparat mal-ammont ta’ passiġġiera li niżlu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kien ilaħħaq il-85%. Fix-xhur tas-Sajf u fil-ġranet ta’ bnazzi fejn il-fast ferry u l-vapuri tal-Gozo Channel jaħdmu bl-iskeda normali, id-diskussjoni dwar il-konnettivita’ dlonk tbatti. Iżda kif din iċ-ċirkostanza tinbidel, is-suġġett jerġa’ jitfaċċa fl-aġenda tal-media tradizzjonali u dik soċjali.
Ir-realtà hi li m’għandniex nistennew episodji ta’ qtugħ ta’ konettività biex nippjanaw għal dawk il-ġranet fejn il-maltemp jaħkem sew u r-riħ u l-mewġ ikunu qliel u jaqtgħu lill-Għawdex mill-gżira maġġuri. Il-konnettivita’ għandha tkun preżenti fuq l-aġenda, mhux biss Għawdxija iżda wkoll ta’ pajjiżna, matul is-sena kollha! Nibda biex nirrikonoxxi li l-impenn tal-Gvern fl-aħħar snin biex jiżdiedu r-rotot bil-baħar madwar pajjiżna u jiġi inċentivat l-użu tat-trasport bil-baħar, hu żvilupp pożittiv. Kif ċertament hu pożittiv li Għawdex hu inkluż fil-pjanijiet għal aktar rotot bil-fast ferry, li se jiżdiedu ma’ dawk eżistenti. Iżda apparti ż-żieda fir-rotot bil-baħar għal partijiet differenti ta’ Malta, servizz ta’ kwalità jiddependi wkoll minn infrastruttura tajba u spazju għal vapuri u servizzi ġodda.
Il-vapuri għandhom anke ċ-ċiklu tal-operat u ħajja tagħhom u għalhekk hu essenzjal pjan biex il-flotta ta’ vapuri maħduma fit-tarzna ta’ pajjiżna, li tant servewna tajjeb fl-aħħar snin, tkun ‘retrofitted’ inkella tinbidel. Intant, hi t’importanza t-tħabbira li saret mill-Gvern dwar żewġ vapuri ġodda ta’ qisien differenti u t-titjib tat-tliet vapuri tal-Gozo Channel eżistenti, flimkien ma’ rotta u vapur minnhom dedikat għall-merkanzija, rotta li se tkun konnessa mal-Port Ħieles. Dan il-pjan ladarba jiġi attwat se jkun ta’ benefiċċju kbir għal dawk kollha li jaqsmu bejn il-gżejjer – kemm jekk huma residenti, negozji u turisti. Kif jgħid l-Ingliż ‘time is money’ u dan japplika aktar u aktar fil-ħajja mgħaġġla li qed ngħixu llum!
Issemma l-ewwel kwart tas-sena 2029 bħala ż-żmien li fih hu stmat li l-pjan imħabbar jiġi implimentat u b’hekk il-Gozo Channel tibda topera b’ħames vapuri. Filwaqt li din id-data jaf tinstema’ ’l bogħod, ir-realta’ hi li ż-żmien igerbeb u ma jistenna lil ħadd. Sal-2029 irid jiġi azzjonat mhux biss il-pjan imħabbar li jinkludi l-vapuri l-ġodda, iżda wkoll pjan għall-portijiet li fihom se jorbtu u jankraw il-vapuri tal-ġarr tal-passiġġieri u l-vapur tal-merkanzija li se joperaw bejn il-gżejjer. Hekk per eżempju, il-mollijiet iridu jkunu attrezzati biex magħhom jorbtu vapuri ta’ daqs u tip differenti. Għandu wkoll ikun hemm xelters adegwati fejn jistennew u jistkennu l-passiġġieri mill-elementi tan-natura fil-portijiet rispettivi. Hawn jiġini f’moħħi struttura adegwata għall-passiġieri tal-‘fast ferry’ fil-Port tal-Imġarr li ċertament tista’ ssir ferm qabel l-2029. Imbagħad hemm ukoll il-fatt li għandna obbligi Ewropej li fil-portijiet tagħna jrid ikollna installati l-faċilitajiet tax-‘shore-to-ship’. Sistemi, bħal ma ġa għandna fil-Port il-Kbir, li jippermettu l-vapuri jitfu l-magni u jieħdu l-enerġija minn fuq l-art biex b’hekk ikun hemm anqas emissjonijiet u kwalita’ tal-arja aħjar.
It-task force għall-Port tal-Imġarr li tħabbret fil-baġit li għadda u li propju għadha kemm bdiet bil-ħidma tagħha ftit ġranet ilu, għandha rwol importanti biex tiddetermina qafas għall-pjan immedjat u fit-tul għall-Port tal-Imġarr. Port li spiċċa żgħir immens għall-ammont ta’ traffiku bil-baħar u l-ammont ta’ passiġġieri li jidħlu u jinżlu fih illum il-ġurnata. Ir-realta’ hi l-Port li xi darba kien iservina tajjeb kif inhu, ma jistax jibqa’ tad-daqs li hu, bid-domanda għalih dejjem tiżdied. Għalina l-popolin li nużaw il-Port tal-Imġarr l-aktar biex il-vapur iwassalna Malta u lura, meta nsemmu dan il-port, l-ewwel li jiġina f’moħħna hu s-servizz tal-Gozo Channel jew il-fast ferry. Imma r-realta’ hi li dan il-port hu importanti anke għal diversi sajjieda li jaqilgħu l-għajxien sħiħ jew parzjali tagħhom mid-dgħajsa tas-sajd li jorbtu fl-Imġarr. Fl-istess port jorbtu wkoll dgħajjes diversi, kemm kummerċjali u anke dawk ta’ tgawdija. Hemm ukoll n-naħa tal-marina operata mill-Gvern u n-naħa tal-marina operata mill-privat. Jingħata wkoll is-servizz bil-baħar tal-Forzi Armati ta’ Malta mill-istess port.
X’inhi t-triq ’il quddiem għal din l-isfida reali? F’Mejju tal-2025, il-Gvern kien ħabbar li identifika sitt siti potenzjali għar-riklamazzjoni tal-art, wara sensiela ta’ studji relatati mal-fond tal-baħar, b’wieħed minn dawn is-siti jkun il-Port tal-Imġarr. Fil-verita’, jista’ jkun hemm soluzzjonijiet differenti, b’dawk l-aktar imsemmija jkunu a) r-riklamazzjoni tal-art; b) li uħud mis-servizzi li bħalissa jingħataw fil-Port tal-Imġarr u/jew tipi ta’ bastimenti li bħalissa jorbtu fl-istess port, jirrilokaw għall-Port ta’ Marsalforn li għandu jkun akkumpanjament minn breakwater li tant hemm bżonn; ċ) dak li l-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija (GBC) reġgħet appellat għalih fi stqarrija riċenti: ir-rikonsiderazzjoni tal-mina li dwarha ġa kienu nbdew xi studji. Azzjoni waħda mhux neċessarjament teskludi lill-oħra; intant dawn il-possibilitajiet jistgħu jkunu studjati bħala b’mod konġunt.
Bħal mhu rikjest fi proġetti maġġuri u kritiċi bħal dawn, iridu jsiru aktar studji, inkluż dawk ambjentali u ekonomiċi, flimkien ma’ konsultazzjonijiet estensivi mal-partijiet interessati u milquta. Apparti li tissaħħaħ il-flotta tal-vapuri u li jiżdiedu r-rotot biex ilaħħqu mad-domanda tas-suq u jsaħħu l-konnettivita’ u s-servizz provdut, essenzjali li jkun hemm ippjanar għaqli għall-użu tal-portijiet u l-artijiet tal-madwar li fihom se jorbtu l-vapuri. Għalhekk, nisħaq fuq l-importanza li jiġi żviluppat pjan ħolistiku li ma jħarisx biss lejn il-Port tal-Imġarr iżda wkoll lejn il-konnettivita’ tal-gżira Għawdxija b’mod sħiħ. Pjan li jrid jassigura infrastruttura adegwata fil-portijiet differenti fejn se jingħata servizz ta’ transport bil-baħar lejn Għawdex. Pjan li jsaħħaħ il-portijiet tal-Imġarr, taċ-Ċirkewwa u lil hinn. Pjan li jinkorpora fih soluzzjonijiet teknoloġiċi li jassiguraw aktar effiċjenza, sigurta’ u anqas tniġġis. Fl-aħħar mill-aħħar, essenzjali li jittieħdu d-deċiżjonijiet neċessarji u kruċjali għas-sigurta’ tal-gżira Għawdxija.
Dawn huma kollha aspetti li għandhom jinkwadraw ruħhom fi ħdan il-Viżjoni 2050 li pajjiżna qiegħed preżentament iħejji, kif ukoll fil-ħidma kontinwa u importanti tal-Awtorita’ għall-Iżvilupp Reġjonali t’Għawdex (GRDA) li l-istrateġija tagħha għanda sservi wkoll ta’ gwida. Dawn huma punti li qajjimt u se nkompli nqajjem, bħala membru f’isem il-GBC tal-Kumitat għall-Konnettivita’ u l-Infrastruttura t’Għawdex imwaqqaf mill-GRDA. Kif il-baħar rasu iebsa, l-istess trid tkun iebsa u soda r-rieda tagħna l-Għawdxin li nkomplu nitħabtu għall-konnettivita’ u infrastruttura aktar sostennibli u reżiljenti għal gżiritna!
Nagħlaq b’ringrazzjament kbir lill-ħaddiema kollha li, filwaqt li ħafna minna konna għall-kenn tad-djar jew tal-postijiet tax-xogħol tagħna matul il-maltemp li ħakimna fl-aħħar jiem, kienu fuq il-lant tax-xogħol jikkumbattu l-elementi tan-natura biex jgħinu fejn rikjest u jneħħu l-periklu għalina lkoll.

