Kif ġie imħabbar aktar kmieni din is-sena, mill-1 ta’ Jannar 2026 it-tipjip se jkun projbit fi tnejn mill-aktar bajjiet popolari tal-gżejjer Maltin, apparti f’żoni rispettivi fil-bajja stess.
It-tipjip se jkun ipprojbit fuq żewġ bajjiet — Ir-Ramla tal-Mixquqa (Golden Bay) f’Malta u r-Ramla l-Ħamra f’Għawdex — ħlief fiż-żoni għat-tipjip fil-bajja.
Tabelli fl-entratura ta’ kull bajja se jinnotifikaw lill-pubbliku li t-tipjip huwa strettament ipprojbit sakemm ma jsirx fiż-żoni tat-tipjip. Dawn iż-żoni se jkunu mmarkati b’mod ċar b’tabelli.
Il-projbizzjoni tat-tipjip se tiġi infurzata mill-pulizija kif ukoll minn uffiċjali tal-LESA u minn uffiċjali mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), mid-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali (EHD), u mill-Awtorità tat-Turiżmu (MTA).
Min jinqabad ipejjep fiż-żoni fejn it-tipjip huwa pprojbit fuq dawn iż-żewġ bajjiet se jingħata multa ta’ €150. Mhux se jingħataw twissijiet.
Permezz ta’ din is-sistema, dawk li jpejpu xorta se jitħallew igawdu l-bajja mingħajr ma’ jtellfu lil ħaddieħor. Kontenituri se jitpoġġew f’kull żona tat-tipjip sabiex tinżamm nadifa il-bajja.
Il-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Miriam Dalli qalet, “Din l-inizjattiva ħarġet b’mod ċar minn diversi laqgħat u diskussjonijiet li kelli mat-tfal. Din hija miżura ambjentali konkreta li biex nindirizzaw problema persistenti, jiġifieri l-loqom tas-sigaretti li jispiċċaw fuq ir-ramel u fil-baħar, u li jieħdu ħafna snin biex jiddiżintegraw. Dawn il-loqom jagħmlu ħsara serja lill-ekosistema marittima u l-ħajja tal-baħar. Permezz ta’ dan il-proġett pilota, qed nagħmlu pass importanti lejn ambjent kostali aktar nadif u aktar b’saħħtu. Dan huwa eżempju ieħor ta’ kif qed naħdmu b’mod konkret biex nipproteġu l-ambjent marittimu tagħna.”
Min-naħa tiegħu l-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela wera s-sodisfazzjon tiegħu ta’ projbizzjoni ta’ tipjip f’numru ta’ bajjiet. Dr Abela spjega kif din il-miżura ser tgħin biex jintlaħqu tliet għanijiet importanti: dawk li nħarsu l-ħajja u s-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin, inħarsu l-patrimonju naturali ta’ pajjiżna kif ukoll l-ambjent. “Jien ċert li din il-miżura ser tgħin u tkun ta’ benefiċċju favur saħħet iċ-ċittadini meta jżuru dawn il-bajjiet sbieħ,” temm jgħid il-Ministru Abela.
Kevin Mercieca, il-Kap Eżekuttiv tal-ERA, stqarr, “Żoni apposta għat-tipjip jippermettulna nipproteġu aħjar l-ambjent kostali billi nnaqqsu l-iskart u t-tniġġis tal-plastik li jagħmlu ħsara lill-ekosistemi marini tagħna.”

