“Illum 3 ta’ Ġunju nista’ ngħidlek li l-bambin ħelishielna. Filli tkun qed issuq u filli tara xi ħaġa daqsxiex ġejja għal ġo fik”. Iddikjara dan ma’ Talk.mt raġel li kien qiegħed fi triqtu flimkien ma’ mara tqila u żewġt itfal oħra meta għal xi raġuni bawżer spiċċa tqaċċat minn fuq il-vettura li kienet qiegħda ġġorru u tkaxkar fit-telgħa ta’ Selmun fil-Mellieħa.
Ir-raġel qalilna wkoll li filwaqt li ħa nifs qawwi li ma weġġa’ ħadd, jemmen li kollox jiġri skont id-destin għax f’differenza ta’ sekondi setgħu spiċċaw kollha mgħaffġin. “Naħseb il-flixkun tat-tifla salvana għax insejnieh aħna u ħerġin”, kompla biex jgħidilna filwaqt li appella lil dawn ix-xufiera ta’ ċertu materjal u oġġetti kbar biex jassiguraw li l-vetturi tagħhom ikunu siguri biex jinstaqu fit-toroq għax filwaqt li inċidenti jistgħu jiġru lil kulħadd, dak li jkun irid jevita billi jieħu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji.
Uffiċjali ta’ Transport Malta u dawk mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ssejħu minnufih fuq il-post flimkien ma’ uffiċjali tal-Pulizija. Din l-arterja prinċipali kellha tingħalaq għat-traffiku bil-vetturi li qed jinstaqu lejn il-Mellieħa jkollhom jgħaddu mill-Manikata.