Minkejja l-isfidi li ffaċċja pajjiżna, il-profitabbilità tal-banek lokali tjiebet fl-2022. Dan id-dħul sar permezz ta’ żieda fl-attivitajiet intermedjarji permezz ta’ self sostnut u titjib fil-marġini tal-qligh. Barra minn hekk il-banek bdew iħallsu imgħax fuq depożiti mqiegħda mas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali.
Din l-informazzjoni dwar l-andament tal-banek lokali irriżutat mill-15-il edizzjoni tar-Rapport tal-Bank Ċentrali dwar l-Istabbiltà Finanzjarja fejn jipprovdi evalwazzjoni dettaljata tal-iżviluppi lokali u internazzjonali li jistgħu jħallu impatt fuq l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-banek lokali.
Ir-rapport isemmi li t-titjib ekonomiku globali ta’ wara l-pandemija kien kemmxejn imxekkel mill-gwerra fl-Ukrajna u dan ikkawża aktar diffikultajiet fil-provvista tal-prodotti u ż-żieda tal-prezzijiet li kompliet intensifika. F’dan il-kuntest jissemma wkoll kif il-banek ċentrali madwar id-dinja kellhom jieħdu miżuri permezz tal-politika monetarja tagħhom biex irażżnu l-inflazzjoni.
Ir-rapport jirrakkomanda viġilanza għal żviluppi negattivi li potenzjalment jista’ jkollhom impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja. It-tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku globali flimkien ma’ pressjonijiet inflazzjonarji jista’ jkollhom impatt negattiv fuq il-ħlas lura ta’ self u dan b’konsegwenzi fuq il-kwalità tal-assi tal-banek.
Fost diversi artikli li jiffurmaw ir-Rapport tal-Bank Ċentrali, hemm ippublikata analiżi li tidentifika xi vulnerabbiltajiet f’familji bi dħul baxx iżda tikkonkludi b’mod ġenerali li familji Maltin li ħadu self mill-banek jibqgħu reżiljenti għal impatti ta’ żidiet fir-rati tal-imgħax.