L-APS Bank ospitat it-38 sessjoni fis-sensiela APS Talks tagħha, Id-Dimenzja u l-moħħ: Għarfien u benesseri, ippreżentata mill-Prof. Charles Scerri. Il-Professur qasam għarfien mill-ħidma tul ħajtu fuq il-memorja, fejn spjega kif ir-riċerka tiegħu dwar il-marda tal-alzheimer żviluppat f’fokus usa’ fuq l-aspetti soċjali u edukattivi tad-dimenzja f’Malta.
It-taħdita esplorat id-distinzjoni bejn il-marda tal-alzheimer u d-dimenzja. Eżaminat ukoll fatturi ewlenin ta’ riskju u kopriet kif dawn ir-riskji jistgħu jitnaqqsu permezz ta’ għażliet ta’ stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa, inkluż attività fiżika regolari, impenn mentali u dieta Mediterranja.
Il-Prof. Scerri enfasizza wkoll l-importanza ta’ ambjenti favur id-dimenzja, appoġġ għall-familja u għarfien komunitarju fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja għal dawk affettwati.
“Permezz tal-APS Talks, nimmiraw li nipprovdu pjattaforma għal diskussjoni miftuħa dwar suġġetti li jħallu impatt fuq il-benessri u s-soċjetà kollha kemm hi, filwaqt li nkomplu nqajmu għarfien dwar kwistjonijiet li huma importanti għall-komunità tagħna,” qal Jeremy Vassallo, Maniġer tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva.



