Saturday, December 21, 2024

Il-Bank Ċentrali jgħid li s-sitwazzjoni ekonomika qed turi sinjali ta’ titjib

Aqra wkoll

F’Settembru, l-Indiċi tal-Bank Ċentrali ta’ Malta rigward il-Kundizzjonijiet tan-Negozju tjieb bi ftit meta mqabbel max-xahar ta’ qabel u jindika li l-kundizzjonijiet ekonomiċi bdew ħerġin mill-iktar livelli baxxi. Madankollu, l-Indiċi jkompli jindika li l-attività ekonomika tibqa’ dgħajfa. 

L-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tela’ bi ftit meta mqabbel max-xahar ta’ qabel, iżda baqa’ sew taħt il-livelli rreġistrati qabel il-pandemija. Iż-żieda f’dan l-indikatur tirrifletti l-aktar it-titjib fis-sentiment fis-settur tas-servizzi u fl-industrija u, f’livell inqas, fis-settur tal-kostruzzjoni u fost il-konsumaturi. B’kuntrast, kien hemm tnaqqis fil-fiduċja fost il-bejjiegħa. Is-sentiment baqa’ negattiv fis-setturi kollha.

F’Awwissu, il-produzzjoni industrijali u l-volum tal-bejgħ bl-imnut naqsu f’termini annwali, għalkemm dan tal-aħħar naqas b’rata inqas mgħaġġla meta mqabbla ma’ Lulju. In-numru għal permessi għal żviluppi għal skopijiet kummerċjali kienu b’mod sinifikanti taħt il-livelli tagħhom f’Awwissu 2019. B’kuntrast, in-numru ta’ permessi għal żviluppi residenzjali maħruġa f’Awwissu żdied għall-ewwel darba f’seba’ xhur. 

In-numru ta’ nies fuq ir-reġistru tal-qgħad u r-rata tal-qgħad naqsu meta mqabblin max-xahar preċedenti, bir-rata tal-qgħad tibqa’ relattivament baxxa minn perspettiva storika. 

L-inflazzjoni baqgħet baxxa f’Awwissu u kompliet tbatti f’Settembru. Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur għalqet it-tielet trimestru fil-livell ta’ 0.5%, filwaqt li l-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut niżlet għal 0.2%.

Imqabbel mal-bilanċ pożittiv osservat sena qabel, il-Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali rreġistra defiċit f’Awwissu. Dan jirrifletti l-impatt fuq id-dħul minn attività ekonomika aktar baxxa minħabba l-imxija globali tal-COVID-19 u l-miżuri ta’ sostenn pubbliku meħudin b’mod kontinwu mill-gvern sabiex itaffi l-effetti ekonomiċi tal-pandemija.

Il-Bank Ċentrali rrapporta wkoll dwar l-użu tal-moratorju fuq ħlasijiet lura ta’ self offrut minn istituzzjonijiet domestiċi ta’ kreditu lil residenti f’Malta b’reazzjoni għall-COVID19. Il-valur tas-self lil households u kumpaniji li kienu soġġett għal moratorju sal-aħħar ta’ Awwissu tela’ bi ftit għal €1.9 biljun, ekwivalenti għal 16.9% tas-self pendenti. F’April, il-Gvern nieda l-Malta Development Bank COVID-19 Guarantee Scheme sabiex jiggarantixxi self ġdid mogħti minn istituzzjonijiet ta’ kreditu għal kapital operattiv lil negozji milqutin mill-pandemija. Sal-aħħar ta’ Awwissu, ġew approvati 412-il faċilità li jkopru total ta’ self sanzjonat li jammonta għal €285.1 miljun. 

Ekonomija

Sport